Friday, November 29, 2024

X’inhi L-IMMA?

Aqra wkoll

Il-Ħadd li għadda din il-gazzetta ppubblikat stħarriġ tal-Opinjoni Pubblika kummissjonat minnha u maħdum mill-istatistiku u riċerkatur Dr Vincent Marmara, espert fil-materja u kif jgħidu l-Ingliżi ‘tried and tested’. Kull stħarriġ li għamel fil-passat riċenti u r-riżultat tiegħu huma l-akbar prova. Stħarriġ dwar l-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropea f’Ġunju li ġej u dwar l-Elezzjoni Ġenerali, li ovvjament għadu mhux magħruf meta se ssir. Stħarriġ li kien jittratta wkoll il-livell ta’ fiduċja fiż-żewġ mexxejja tal-akbar żewġ partiti politiċi f’pajjiżna.

Mhux se nidħol fir-riżultati li rriżultaw, għajr dwar wieħed: dwar kemm huwa kalkulat li se jkunu dawk li joħorġu jivvutaw. Nistqarr mill-ewwel: għalija l-persentaġġi f’dan ir-rigward huma inkwetanti. Inkwetanti kemm fuq bażi nazzjonali kif ukoll fuq bażi ta’ partiti politiċi. Lili jimpurtani l-aktar il-Partit Laburista. Nispjega.

Nibda b’mod kronoloġiku. L-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u li magħhom jsiru wkoll dawk tal-Kunsilli Lokali f’Ġunju li ġej. Mill-istħarriġ imsemmi jirriżulta li l-persentaġġ ta’ dawk li mistennija joħorġu jivvutaw f’dawn l-elezzjonijiet huwa ta’ 69% ta’ dawk eliġibbli. Ifisser li għandek ftit inqas minn terz tal-votanti li se jiġu jaqgħu u jqumu minn min se jkun qed jirrappreżentana fil-Parlament Ewropew u min se jkun qed jifforma l-Kunsilli Lokali.

Ftit inqas minn terz mhux ċajta. Qegħdin nitkellmu fuq rappreżentanza f’istituzzjoni Ewropea. Fejn ikunu diskussi liġijiet li jkun hemm minnhom li jkollna napplikawhom f’pajjiżna bilfors. Nifhem li dan is-sens ta’ apatija mhux xi ħaġa li japplika għalina biss. Għax jekk tara l-persentaġġi ta’ dawk li joħorġu jivvutaw f’kull stat membru tal-Unjoni Ewropea bħal donnok ‘tikkonsla’, meta fil-fatt din m’għandha qatt tkun konsolazzjoni. Għaliex għandu jkun hemm ftit inqas minn terz tal-poplu votant li dawn l-affarijiet ma jinteressawhx?

Sadattant jien, Frans Ghirxi, nemmen li l-maġġoranza ta’ dawk li mhux lesti joħorġu jivvutaw huma ta’ tendenza Laburista u li minnhom hemm min se jkun qed jieħu dan il-pass għall-ewwel darba. Il-mistoqsija naturali: għaliex għandu jkun hekk?

L-istess fir-rigward tal-Kunsilli Lokali. Anke hawn il-problema hija komuni għaż-żewġ partiti l-kbar, imma jien jimpurtani mill-Partit Laburista. Għaliex kellha ssir pressjoni kbira biex jinstab min ikun lest jikkontesta fil-lokalità tiegħu? Għaliex kien hemm min kien diġà jifforma parti minn Kunsill Lokali, hi x’inhi l-kariga li kien jokkupa, u issa mhux se jikkontesta?

Ngħaddi għall-Elezzjoni Ġenerali. Mill-istħarriġ jirriżulta li l-persentaġġ ta’ dawk li sa meta sar l-istħarriġ kienu deċiżi li joħorġu jivvutaw kien ogħla minn dak tal-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali. Irriżulta li dan jitla’ għal 76%. Ferm bogħod minn dawk il-persentaġġi li aħna mdorrijin bihom, anke jekk maż-żmien dawn bdew jitbaxxew.

Imma li jkollok kważi kwart, wieħed minn kull erbgħa, mill-votanti li ma jinteressahomx min se jkun fit-tmexxija tal-pajjiż ftit li xejn jawgura tajjeb. Anke hawn nemmen li l-maġġoranza ta’ dawk li lesti jħallu l-vot tagħhom fuq l-ixkaffa huma ta’ tendenza Laburista. Għaliex għandu jkun hekk meta tqis dak kollu li għamel għall-pajjiż, għall-poplu, Gvern Laburista mis-sena 2013 ‘il hawn? Meta tipparaguna dak li jinsabu fih popli oħrajn fil-kontinent Ewropew u dak li qegħdin nesperjenzaw aħna? Għaliex għandu jkun hemm min iħossu li qed jitwarrab minn niesu stess? Ma ngħidx li kulħadd ikollu raġun f’dak li hu jara li hu nuqqas fil-konfront tiegħu, imma lanqas ma ngħid li ħadd m’għandu raġun.

Lil dawk li m’għandhomx raġun, qegħdin nispjegawlhom għala m’għandhomx raġun? Qegħdin naraw kemm hemm min kibritlu rasu għax sempliċiment ingħata kariga, nesa mnejn telaq u qed jara lil ħaddieħor dubbien?

Bħala Partit Laburista qegħdin naraw kemm per eżempju kien hemm min ma ġeddidtx it-tessera? Kemm ilu ma jħallasha? Lil Laburisti bħal dawn qegħdin navviċinawhom biex naraw għala ma ġeddewx it-tessera? Qegħdin naraw X’inhi L-IMMA?

Nittama biss li mhux qegħdin inserħu rasna żżejjed.

Sport