Demokrazija vera u b’saħħitha titlob oppożizzjoni parlamentari denja, kredibbli u effettiva biex il-livell politiku fil-pajjiż ikun verament wieħed san u jaħdem fl-interess tal-ġid komuni. Dan huwa prinċipju inaljenabbli li kull demokrazija ma tistax tinjora jew tgħaddi mingħajru.
Għalhekk, il-funzjoni tal-partit fl-oppożizzjoni hija kruċjali. Hija kruċjali mhux biss għax il-partit fl-oppożizzjoni huwa gvern alternattiv, li jrid ikun imħejji sew il-ħin kollu u bi pjan serju lest biex jiggverna lill-pajjiż jekk u meta jingħata l-fiduċja mill-poplu imma wkoll biex jagħmel skrutinju tal-ħidma tal-gvern.
Sfortunatament iżda, fis-sitwazzjoni ta’ tgerfix, antagoniżmu u firdiet li jinsab fiha illum dan ma nistgħux ngħiduh għall-PN taħt it-tmexxija ta’ Bernard Grech. L-emendi li m’ilux il-Parlament approva għal-liġi tal-IVF huma prova ċara ta’ dan…. prova waħda biss ta’ kemm il-PN huwa nieqes minn politika li ttejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies.
Il-ġrajjiet li komplew jisemmew dawn l-aħħar jiem u li ġraw fi ħdan il-PN jixhdu wkoll kemm dan il-partit, tar-religio et patria, huwa biss dell ta’ dak li kien sa ftit snin ilu, ta’ meta kien jiġbed lejh il-mases u mhux iweġġagħhom u jwarrabhom kif qed jagħmel.
F’dawn l-aħħar jiem stajna ninnutaw wkoll li r-rinaxximent u t-tiġdid li l-PN jgħid li qed iwettaq fi ħdanu ifisser biss qtugħ tal-irjus, anki saħansitra ta’ nies li mhux biss taw ħinhom imma wkoll saħħithom għall-imħabba tal-partit tagħhom.
Twarrbu min-nofs politiċi ġentlomi bħalma huma Robert Arrigo u Mario Galea li ħajjithom fil-PN, skont huma, inbidlet f’infern. Iktar minn hekk, Mario Galea ddeskriva l-qagħda fil-PN bħala waħda valenuża ta’ tifred u saltan li qed tagħmel ħsara kbira lill-istess PN. Mhux ta’ b’xejn li nazzjonalisti ġenwini qed jagħtu darhom lill-PN.
Dan l-aħħar smajna wkoll li l-parlamentari nazzjonalisti ġew ordnati biex ma jkellmux u ma jwieġbux il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti. Jekk inhu minnu dan, allura l-PN qed jarmi l-prinċipju tal-liberta tal-espressjoni… addio wkoll għall-liberta’ tal-istampa li tant iħambqu fuqha l-mexxejja tal-PN. Dan kollu huwa sintomatiku tal-medjokrita u l-mentalita ta’ assedju li bħalissa qed tirrenja fi ħdan il-PN.
Għaliex min għandu x’jaħbi biss jipprova jagħmel ħiltu kollha sabiex jaħrab mill-iskrutinju tal-midja. Dan kollu jfisser ukoll li mit-telfiet kbar u storiċi li ġarrab mill-2013 ‘il hawn inkluż l-elezzjoni ta’ Marzu li għadda, il-PN għadu ma tgħallem xejn u milli jidher ma jridx jitgħallem u se jibqa’ jinjora r-realtajiet ta’ ħdanu stess.
Għaliex meta hemm persuna li sa ftit jiem ilu biss kien viċi-kap li allegatament għajjar lill-kap tiegħu stess giddieb juru f’liema abbiss niżel il-partit nazzjonalista taħt it-tmexxija ta’ Bernard Grech.
Id-demokrazija f’pajjiżna ma jixraqilhiex oppożizzjoni tal-kritika negattiva msejsa fuq il-mibegħda. Pajjiżna jixraqlu partit u oppożizzjoni denja tal-isem li tkun iffukata u li timpika mal-gvern tal-ġurnata kif tista’ tagħmel aħjar biex il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini kollha tkun dejjem aħjar.