Saturday, December 21, 2024

Xiri tar-Rigali tal-Milied – Id-drittijiet u r-responsabiltajiet tiegħek bħala konsumatur

Aqra wkoll

Hekk kif qed joqrob l-istaġun tal-Milied, hekk ukoll jibda jiżdied l-eċċitament marbut mal-għoti tar-rigali. Filwaqt li x-xiri tar-rigali tal-Milied jista’ jkun pjaċevoli, l-għażla tar-rigali taf tkun mhux daqstant faċli. Minkejja li tkun taf sew il-persuna li tkun qed tixtrilha r-rigal, dejjem hemm ir-riskju li tixtri r-rigal ħażin. Għalhekk, huwa importanti li tkun taf id-drittijiet u r-responsabbiltajiet tiegħek biex tassigura esperjenza ta’ xiri pożittiva u mingħajr stress.

L-ewwel ħaġa li għandek tiċċekkja waqt ix-xiri tar-rigali tal-Milied hija l-polza tar-ritorn tal-ħanut minn fejn qed tixtri. Din il-prekawzjoni tevita sitwazzjonijiet fejn rigali mhux mixtieqa ma jistgħux jiġu rritornati. Bħala konsumatur għandek tiftakar li jekk ir-rigal li tagħti ma jintgħoġobx, huwa l-bejjiegħ li jiddeċiedi jekk jagħtikx il-possibbiltà li tirritorna u tibdel dak ir-rigal.

Fi kliem ieħor, il-bejjiegħa mhumiex legalment obbligati li jaċċettaw lura l-oġġetti mibjugħa u joffru rimedju. Għalhekk huwa importanti li qabel tixtri r-rigali tiċċekkja mal-bejjiegħ jekk dawn jistgħux jinbidlu.

Jekk il-bejjiegħ jikkonfermalek li dan huwa possibbli, importanti li tara li tingħata ‘gift receipt’ li tkun tinkludi informazzjoni dwar kif ir-rigal jista’ jinbidel. Din l-irċevuta għandha tingħata lill-persuna li tirċievi r-rigal.

Meta tixtri rigali, ftakar li l-polza tar-ritorn ta’ ħanut tista’ ma tapplikax għat-tipi kollha ta’ prodotti mibjugħa. Hemm xi prodotti li minħabba n-natura tagħhom u/jew għal raġunijiet ta’ iġjene ma jistgħux jinbidlu. Fil-fatt, oġġetti bħal imsielet, make-up, u ħwejjeġ ta’ taħt ħafna drabi jkunu esklużi mill-polza tar-ritorn tal-bejjiegħ.

Prodotti personalizzati u prodotti li jiskadu fi żmien qasir normalment ma jistgħux jiġu ritornati. Għalhekk, minkejja li tista’ tkun familjari mal-polza ta’ ritorn ta’ ħanut, xorta għandek terġa tiċċekkja li din il-polza tapplika għat-tip ta’ rigal li qed tixtri.

Huwa importanti wkoll li tiċċekkja jekk ir-rigali jistgħux jinbidlu la darba jibdew is-Sales. Jekk il-bejjiegħ jikkonferma li dan huwa possibbli, allura għandek tistaqsi liema valur ikun ikkunsidrat, jekk hux il-prezz originali imħallas jew il-prezz imnaqqas?

Peress li l-liġi tal-konsumatur ma tagħtix lill-konsumaturi d-dritt li jirritornaw oġġetti li ma jkunux difettużi, il-ħwienet jistgħu jadottaw il-kundizzjonijiet ta’ ritorn li jqisu xierqa.

Jekk tiddeċiedi li tixtri xi rigali onlajn, tinsiex li għandek drittijiet addizzjonali. Pereżempju, għandek 14-il jum biex tbiddel fehmtek, tikkanċella l-bejgħ u titlob rifużjoni sħiħa tal-flus imħallsa. M’għandekx għalfejn tagħti raġuni għad-deċiżjoni tiegħek u m’għandekx tiġi mitluba ħlasijiet addizzjonali.

Dawn id-drittijiet japplikaw għal kwalunkwe xiri magħmul onlajn minn bejjiegħa li joperaw minn Stat Membru tal-UE. Għandek tkun konxju li l-perjodu ta’ rtirar ta’ 14-il jum jibda dakinhar li l-konsumaturi jieħdu l-pussess tal-oġġetti mixtrija. Jekk dan il-perjodu jgħaddi qabel ma tagħti r-rigal, allura r-rigal ma jistax jiġi rritornat sakemm il-bejjiegħ ma jippermettix żmien estiż ta’ kanċellament tax-xiri.

Barra minn hekk, meta tirritorna prodotti mhux mixtieqa matul il-perjodu ta’ rtirar, inti tista’ tintalab mill-bejjiegħ biex tħallas għat-trasport tal-prodott lura għand il-bejjiegħ. Madankollu, il-bejjiegħ onlajn huwa legalment obbligat jinfurmak dwar din l-ispiża. Jekk le, l-bejjiegħ huwa responsabbli li jkopri l-ispejjeż tat-trasport.

Anke fix-xiri onlajn, hemm xi restrizzjonijiet fuq id-dritt tar-ritorn. Pereżempju, ma tistax tagħmel użu mid-dritt tal-irtirar meta tixtri prodotti personalizzati jew li jiskadu fi żmien qasir, bħal ikel frisk jew fjuri. Anke oġġetti ssiġillati li mhumiex adattati għar-ritorn minħabba raġunijiet ta’ iġjene u li infetħu wara l-kunsinna, ma jistgħux jiġu rritornati.

Meta tixtri oġġetti onlajn huwa wkoll importanti ħafna li tiċċekkja d-data tal-kunsinna biex tiżgura li r-rigali jaslu fil-ħin għall-Milied. Peress li xi wħud mir-rigali li tixtri jistgħu jirriżultaw difettużi, tinsiex li għandek drittijiet legali. L-oġġetti mixtrija għandhom jiġu fornuti kif deskritti u mwiegħda mill-bejjiegħ qabel ma ġie konkluż il-kuntratt tal-bejgħ.

Meta dan ma jkunx il-każ, tista’ titlob lill-bejjiegħ biex jagħtik rimedju b’xejn li jista’ jkun jew tiswija jew sostituzzjoni tal-prodott difettuż. Meta l-ebda wieħed minn dawn iż-żewġ rimedji ma jkun possibbli, jew jekk ir-rimedju jista’ jikkawżalek inkonvenjent sinifikanti, imbagħad tkun tista’ titlob rifużjoni parzjali jew sħiħa tal-flus imħallsa.

Ix-xiri tar-rigal tal-Milied waqt li hija esperjenza pjaċevoli taf ukoll tieħu ħafna ħin. Għalhekk, huwa rakkomandabbli li ma tħallix dan ix-xiri għall-aħħar minuta. Huwa fl-interess tiegħek li tiddedika ħin adegwat biex tkun tista’ ddur u tfittex l-aqwa offerti li hemm fis-suq.

Barra minn hekk, il-konsumaturi għandhom dejjem iżommu lilhom infushom infurmati dwar id-drittijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom biex jiżguraw esperjenza ta’ xiri mingħajr problemi.

Meta jkollok dubju dwar id-drittijiet tiegħek tista’ tikkuntattja lill-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur fi ħdan l-MCCAA għal informazzjoni u assistenza.

Ekonomija

Sport