Monday, May 13, 2024

Dr Lydia Abela u Jake Vella jħeġġu lin-nies biex ipoġġu prodotti għall-annimali fl-Isptar Mater Dei

Aqra wkoll

Ftit tal jiem ilu, mart il-Prim Ministru, Dr Lydia Abela, ħabbret għar-raba’ sena konsekuttiva l-inizjattiva “Rigal bi Mħabba”.

Bħas-sena preċedenti, l-inizjattiva qiegħda ssir b’differenza wara li s-Sinjura Abela laqgħet ix-xewqa ta’ Jake Vella mill-ġdid biex jinġabru prodotti tal-ikel għall-annimali jew prodotti relatati oħra fid-daħla tal-Isptar Mater Dei.

Dr Abela fakkret kif ingħatat bidu din l-inizjattiva permezz tax-xewqa li kellu Jake sena ilu u tkellmet ukoll dwar is-suċċess li ġabet magħha “Rigal bi Mħabba b’differenza” is-sena l-oħra permezz tal-imħabba li wrew il-Maltin u l-Għawdxin għall-annimali.

F’dan il-kuntest, Dr Abela indirizzat lil Jake u faħħritu tal-impenn u d-dedikazzjoni tiegħu f’din l-inizjattiva. “Niftakar sew meta sena ilu wettaqna l-ħolma tiegħek għall-ewwel darba li jibdew jinġabru prodotti u ikel għall-annimali fis-sala tal-Isptar. Urejna kemm tassew kienet suċċess u kemm ferraħna annimali u nies li jaħdmu fis-santwarji,” qalet is-Sinjura Abela.

“Fi żjara li għamilna l-Prim Ministru u jien ftit tax-xhur ilu tajnik il-kelma li f’Diċembru se niġu hawn u nagħtu l-ħajja mill-ġdid lil din is-sala bl-inizjattiva “Rigal bi Mħabba b’differenza”. Illum qegħdin hawn biex flimkien miegħek nerġgħu nistiednu lil pubbliku ġenerali jesprimi l-valur altruwist tiegħu u jagħti vuċi lil min m’għandux,” qalet mart il-Prim Ministru.

“B’hekk inħeġġeġ lil kull min iżur l-Isptar Mater Dei f’dan iż-żmien ta’ festi biex iħalli prodotti tal-ikel tal-annimali jew prodotti oħra bil-għan li verament ikollna “Rigal bi Mħabba b’differenza”,” temmet tgħid Dr Abela.

Min-naħa tiegħu, Jake rringrazzja lis-Sinjura Abela talli mill-ġdid offriet li tkun parti minn din l-inizjattiva u ħeġġeġ lil kulħadd jipparteċipa biex verament ikun Milied li jaħseb f’kulħadd.

L-inizjattiva hija miftuħa sal-21 ta’ Diċembru.

Sport