Friday, December 13, 2024

Xirja ikel togħla b’€100 fix-xahar

Studju ġdid ippreżentat mill-Caritas

Aqra wkoll

Studju ġdid ippreżentat mill-Caritas sab li xirja bażika tal-ikel għal familja ta’ erbgħa persuni żdiedet bi ftit aktar minn €100 fix-xahar. L-istudju sar fi Frar li għadda u għaldaqstant ma jirriflettix l-impatt li qed tħalli l-gwerra fl-Ukrajna. 

Id-dettalji ta’ dan l-istudju ngħataw f’konferenza stampa li kienet indirizzata mill-Prof. Suzanne Piscopo, lettur fil-Fakultà tal-Edukazzjoni u mid-Direttur tal-Caritas, is-Sur Anthony Gatt. 

Fl-istess konferenza ġie spjegat li b’riżultat tal-pandemija tal-Covid-19 u l-impatt li kellha fuq l-ispiża ta’ prodotti bażiċi, inħass il-bżonn li jsir aġġornament tal-istudju li tagħmel il-Caritas intitolat “Minimum Essential Budget for a Decent Living”.

L-iskop ta’ din ir-riċerka hu biex jidentifika prezz ta’ basket ta’ servizzi u oġġetti li familji bi dħul baxx, għandhom bżonn biex jgħixu ħajja diċenti. Dan l-istudju jiffoka fuq tliet tipi ta’ familji; żewġ adulti u żewġt itfal, adult u żewġt itfal u żewġ anzjani.

L-istudju sab li fl-2020, familja ta’ erbgħa kien ikollha tonfoq €593 fix-xahar f’ikel jew €7,121 f’sena f’ikel bażiku biex tgħix diċenti. Ftit inqas minn sentejn wara, dik l-istess familja jkollha tonfoq €698 jew kważi €8,400 sabiex tixtri l-istess prodotti. 

Prof. Piscopo spjegat li dan ifisser li kienet reġistrata żieda ta’ 18% fl-ispiża tal-ikel mentri għal koppja anzjana li għandhom ‘il fuq minn 65 sena ż-żiedet kienet dik ta’ 25%. 

Jekk wieħed iħares lejn ix-xiri tal-ħaxix u l-frott, isib li huwa rħas li tixtri dawn il-prodotti mis-suq tal-bdiewa magħruf bħala l-Farmers’ Market f’Ta’ Qali milli minn supermarket jew minn bejjiegħa tal-ħaxix li jkunu armati fil-lokalitajiet.

Ritratt: Caritas

L-istudju juri wkoll li bejn l-2020 u l-2022, kienet reġistrata żieda ta’ bejn 12% u 36% f’dak li jirrigwardja x-xiri ta’ mediċini, bl-akbar żieda tkun reġistrata fost l-anzjani. L-ispiża togħla sew jekk wieħed jinkludi wkoll affarijiet bażiċi ta’ oġġetti li kellhom jinxtraw minħabba l-Covid-19 fosthom maskri, sanitizers u paracetamols.

Sadanittant, fl-istess konferenza tressqu diversi rakkomandazzjoni fosthom li jkun hemm postijiet speċifiċi fejn jinġabar l-ikel li għadu tajjeb imma jkun se jintrema’ u jitqassam fil-food banks. 

Ġie rrakkomandat ukoll li ssir sistema fejn permezz ta’ app, familji bi dħul baxx jiġu megħjuna b’ikel qabel id-data tal-iskadenza li ħafna drabi dan l-ikel jintrema. Dan filwaqt li jiżdiedu l-lokalitajiet fejn il-bdiewa bil-ħaxix u frott lokali jkunu jistgħu jarmaw. 

Proposti oħra jinkludu li jiġi organizzat trasport pubbliku dirett minn kull raħal jew villaġġ għas-suq tal-bdiewa f’Ta’ Qali u jiġu pprovduti smart cards lill-familji bi dħul baxx li bihom ikunu jistgħu jixtru bl-irħis ħaxix u frott, legumi u lewż.

Għal persuni bi dħul baxx, il-Caritas qed tipproponi li tiġi implimentata l-iskema ta’ flus diġitali, bħal vawċers diġitali u trasferimenti diretti fil-kont tal-bank b’mod li l-allokazzjoni ta’ dawn il-flus diġitali jew vawċers tkun biex tintuza f’ikel jew prodotti essenzjali. 

Ekonomija

Sport