Sunday, November 24, 2024

Xita tal-art li tagħmel tajjeb f’perjodu ta’ nixfa

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-medja nazzjonali ta’ xita mkejla f’Ottubru 2021 se tkun qabżet il-200mm. Dan l-ammont ta’ xita ifisser li fix-xahar li għadu kemm intemm se tkun għamlet xita daqs b’kemm għamlet nofs is-sena l-oħra kollha. B’rabta ma’ dan is-suġġett tkellimna ma’ bidwi żagħżugħ u staqsejnih dwar il-benefiċċju ta’ daqstant xita u anke il-mod ta’ kif niżlet fl-aħħar jiem.

“Ix-xita li għamlet f’dawn l-aħħar jiem hija l-aktar ideali għar-raba’. Ix-xita li għamlet dan l-aħħar ma tikkawżax ħsara kif ukoll tagħti ċans il-ħamrija tassorbiha kompletament. Infatti xita bħal din nirreferu għaliha bħala xita tal-art minħabba l-fatt li din tiġi assorbita kompletament”, beda biex jgħidilna l-bidwi.

Huwa kompla biex jgħidilna li l-fatt li x-xita tiġi assorbita gradwalment iwassal biex din tibqa’ tipperkola fl-aktar saffi profondi tal-ħamrija sakemm tasal sal-blat.

Żied jispjega li huwa importanti ferm li l-blat jixrob ukoll u dan sabiex ikun jista’ jżomm ħażna adekwata u art friska għal matul ix-xhur tan-nixfa. Dan jgħin biex siġar maturi li jkollhom l-għeruq fil-fond ikunu jistgħu jsibu l-ilma neċessarju biex ikampaw tul il-ħruxija tas-sajf. “Infatti dan is-sajf ghalhekk rajna ħafna siġar imutu jew li kienu waslu biex”, qalilna ż-żagħżugħ. 

Apparti dawn il-benefiċċji tax-xita tal-art hemm oħrajn fosthom inqas pressjoni fuq il-ħitan tas-sejjiegħ, liema pressjoni tkun il-kawża biex il-ħitan jiġġarfu jew jinstelħu. Apparti hekk l-ilma li jasal sal-blat jibqa’ jipperkola sal-water table fejn jgħin fir-riġenerazzjoni tal-ħażna tal-ilma.

Sport