Friday, April 19, 2024

Hockey: Qormi jżommu l-konsistenza

Aqra wkoll

Iċ-champions il-ġodda tal-hockey lokali Qormi Daikin baqgħu jżommu l-konsistenza tagħhom fil-kampjonat hekk kif għelbu lil Gree Sliema Hotsticks bl-iskor ta’ 5-0.

Hekk kif bdiet il-11-il ġurnata tal-kampjonat nazzjonali tal-hockey, anke Trust Payment Floriana Young Stars kellhom wirja kbira wara skor ta’ 5-0 fuq White Hart.

Qormi Daikin żiedu l-vantaġġ tagħhom fuq l-eqreb rivali tagħhom Gree Sliema Hotsticks għal disa’ punti wara li għelbuhom bl-iskor ta’ 5-0.

Il-Qriema ddominaw din il-partita bis-Slimiżi li xejn ma sabuha faċli jżommu lill-avversarji tagħhom.

Il-plejer veteran John Williams kien awtur ta’ doppjetta filwaqt li Zack Degiovanni, Steve Portelli u Luke Bajada skorjaw aktar gowls għal Qriema.

F’partita oħra li ntlagħbet aktar qabel, Trust Payments Floriana Young Stars għelbu lil White Hart bl-iskor identiku ta’ 5-0.

Wara din ir-rebħa, il-Furjaniżi jinsabu biss żewġ punti bogħod minn Sliema u għalhekk se jirsistu sew sabiex jiksbu t-tieni post tal-klassifika fil-logħbiet li ġejjin.

Anton Saliba, Karl Chircop, Mark Camilleri, Julian Farrugia u Luke Borg Costanzi skorjaw l-aktar gowls importanti għat-tim tagħhom.

Sadanittant kellna wkoll xi logħbiet oħra mill-kampjonati taż-żgħar fejn Gree Sliema Hotsticks ġew megħluba minn Summer Nights Marsaskala Heat bl-iskor ta’ 5-2 fil-kategorija ta’ taħt l-14-il sena. Mill-banda l-oħra, mill-kampjonat ta’ taħt it-18-il sena Gree Sliema Hotsticks għelbu lil Qormi Daikin 5-2.

KLASSIFIKA

Qormi Daikin 22, Gree Sliema Hotsticks 13, Trust Payments Floriana Young Stars 11, Rabat 4, White Hart 2

Sport