Saturday, November 23, 2024

Xjentist iwissi li r-Renju Unit daħal f’mument kruċjali tal-pandemija

Aqra wkoll

Ir-Renju Unit laħaq mument kruċjali fil-pandemija tal-coronavirus simili, bis-sitwazzjoni tiġi mqabbla ma’ dik ta’ Marzu li għadda. Din it-twissija għamilha wieħed mix-xjentisti l-aktar rinomati fil-pajjiż.

Il-Professur Jonathan Van-Tam qal li l-istaġuni qed “jaħdmu kontrina” u l-pajjiż jinsab dieħel f’mument kruċjali.

Huwa żied jgħid li l-imwiet kaġun tal-pandemija matul il-ġimgħat li ġejjin mistennijin li jkomplu jiżdiedu, u ħeġġeġ lin-nies biex jillimitaw il-kuntatt soċjali.

Għada Boris Johnson mistenni li jħabbar restrizzjonijiet aktar iebsin bil-għan li jikkontrolla t-tixrid tal-virus fil-komunità.

Fi stqarrija parlamentari li se jkun qed jagħmel lill-Membri Parlamentari, il-Prim Ministru Brittaniku mistenni li jniedi pjani għal sistema ta’ lockdown imqassma fuq tliet livelli li se tara lil kull reġjun fl-Ingilterra jitpoġġa f’wieħed mil-livelli, skont is-severità tal-każi.

Fir-Renju Unit l-R Factor huwa stmat li jinsab bejn 1.2 u 1.5. R factor li huwa ’l fuq minn 1.0 ifisser li l-każi qed jiżdiedu.

Ilbieraħ 15,166 persuna fir-Renju Unit kienu rapportati li rriżultaw pożittivi għall-coronavirus. Dan ifisser żieda ta’ 1,302 każ miċ-ċifra ppubblikata nhar il-Ġimgħa. Intant tħabbru wkoll l-imwiet ta’ 81 persuna kaġun tal-Covid-19, sitta inqas min-numru ta’ persuni rapportati li mietu nhar il-Ġimgħa.

Sport