L-Intelliġenza Artifiċjali hija t-teknoloġija ferm avvanzata li qiegħda tinfirex u tevolvi b’passi ta’ ġgant. Din qed tevolvi f’setturi, fosthom dak tas-saħħa. Intant riċentament xjentisti skoprew test tad-demm, li permezz tal-AI, persuna tkun tista’ tiskopri jekk fil-futur qarib hux se tkun qiegħda tbagħti mill-kundizzjoni tal-Parkinsons jew le.
Huwa magħruf li danit-test tad-demm li juża l-intelliġenza artifiċjali jista’ jbassar min se jiżviluppa l-marda ta’ Parkinson sa seba’ snin qabel ma jibdew is-sintomi. It-test huwa ddisinjat biex jaħdem fuq tagħmir li diġà jinsab f’ħafna laboratorji tal-NHS. B’hekk jista’ jsir disponibbli għas-servizz tas-saħħa fi żmien sentejn.
Sa issa għad ma hemm l-ebda mediċina li tipproteġi l-Parkinson fil-preżent. F’kument li ta lill-midja, il-Professur Kevin Mills qal li l-għan ewlieni ta’ dan it-test, huwa sabiex jaslu għand in-nies qabel ma jiżviluppaw is-sintomi. Mills stqarr li dejjem aħjar li tipprevjeni milli tfejjaq.
Il-marda ta’ Parkinson hija l-kundizzjoni newrodeġenerattiva li qed tikber b’rata mgħaġġla fid-dinja. Din taffettwa aktar minn 150,000 persuna fir-Renju Unit u 10 miljun persuna madwar id-dinja. Nies li jiżviluppaw il-Parkinson jistgħu jesperjenzaw rogħda, diffikultajiet fil-movimenti, problemi bil-bilanċ u uġigħ fin-nervituri.
Il-Professur Roger Barker, konsulent li jispeċjalizza fil-Parkinson’s fl-Università ta’ Cambridge spjega li dan it-test tad-demm, se jkun ta’ għajnuna għalihom bħala professjonisti, sabiex jagħtu trattament meħtieġ lill-pazjenti permezz tat-terapiji.