Il-possibilità li l-virus tal-Covid ħareġ minn laboratorju m’għandhiex tiġi eskluża, qal xjenzat ewlieni tal-Gvern Ċiniż meta tkellem mal-BBC News.
Bħala Kap taċ-Ċentru għall-Kontroll tal-Mard (CDC) taċ-Ċina, il-Prof. George Gao kellu rwol ewlieni fir-rispons tal-pandemija u l-isforzi li saru biex jintraċċa l-oriġini tagħha.
Il-Gvern Ċiniż qed iwarrab kull suġġeriment li l-marda setgħet oriġinat f’laboratorju ta’ Wuhan. Iżda l-Prof. Gao huwa inqas dirett, u f’intervista mal-podcast Fever tal-BBC Radio qal “tista’ tissuspetta fuq kollox. Dik hija x-xjenza. Ma tista’ teskludi xejn”. Il-Prof. Gao issa qed jokkupa l-irwol ta’ viċi-president tal-Fondazzjoni Nazzjonali tax-Xjenza Naturali taċ-Ċina.
F’sinja possibbli li l-gvern Ċiniż seta’ ħa t-teorija tal-leak tal-laboratorju aktar bis-serjetà milli jissuġġerixxu d-dikjarazzjonijiet uffiċjali tiegħu, il-Prof. Gao jgħid lill-BBC li twettqet xi tip ta’ investigazzjoni formali fl-Istitut tal-Viroloġija ta’ Wuhan (WIV).
“Il-gvern organizza xi ħaġa,” huwa qal, filwaqt li żied jgħid li ma kienx jinvolvi d-dipartiment tiegħu stess, is-CDC taċ-Ċina. Huwa kien mitlub jiċċara jekk dan kienx ifisser li fergħa oħra tal-Gvern wettqet tfittxija formali tal-WIV, wieħed mill-aqwa laboratorji nazzjonali taċ-Ċina, magħruf li qattgħu snin jistudjaw il-coronavirus.
Huwa wieġeb: “iva. Dak il-laboratorju ġie ċċekkjat għal darba, tnejn, mill-esperti f’dan il-qasam.”