Saturday, November 16, 2024

Xjenzati tal-klima urtati mill-kumpanija Shell

Aqra wkoll

Xjenzati tal-klima huma rrabjati u urtati wara li l-kumpanija ġgantteska taż-żejt, Shell wissiet li l-qtugħ fil-produzzjoni taż-żejt u l-gass huwa perikoluż u rresponsabbli.

Il-Kap tax-Shell, Wael Sawan, insista li d-dinja għad għandha bzonn iddisprat taż-żejt u l-gass peress li l-mixja lejn l-enerġija rinnovabbli m’hijiex qed iseħħ malajr biżżejjed biex tissostitwixxi dawn iż-żewġ riżorsi ta’ enerġija.

Huwa wissa li żieda fid-domanda miċ-Ċina u l-kesħa fl-Ewropa tista’ terġa’ timbotta l-prezzijiet tal-enerġija u l-kontijiet ‘ilfuq.

Sawan irrabja lix-xjentisti tal-klima li qalu li l-pjan ta’ Shell biex tkompli l-produzzjoni attwali taż-żejt sal-2030 kien żbaljat.

Il-Professur Emily Shuckburgh, xjenzat dwar il-klima fl-Università ta’ Cambridge, qalet li kumpaniji bħal Shell għandhom jiffokaw aktar fuq li jaċċelleraw it-tranżizzjoni ekoloġika minflok jippruvaw jissuġġerixxu li l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà huma moqdija bl-aħjar mod biex jippruvaw itawlu l-użu taż-żejt u l-gass. 

Il-Kap tan-Nazzjonijiet Uniti Antonio Gutteres dan l-aħħar qal li l-investiment fil-produzzjoni ġdida taż-żejt u l-gass kien “ġenn ekonomiku u morali”, argument li Wael Sawan ma qabilx miegħu tant li sostna li dak li jkun perikoluż u irresponsabbli huwa li titnaqqas il-produzzjoni taż-żejt u l-gass biex l-għoli tal-ħajja, kif rajna s-sena l-oħra, terġa’ tibda tispara lfuq.”

Id-dinja tinsab f’tellieqa sfrenata biex teħles mill-fjuwils fossili favur alternattivi aktar ekoloġiċi hekk kif il-mexxejja globali wegħdu li jżommu d-dinja milli tisħon b’aktar minn 1.5C dan is-seklu.

Is-sena li għaddiet il-Kummissjoni Ewropea ddeskriviet kif l-UE se tħaffef il-pass fil-bidla tagħha għall-enerġija ekoloġika biex ittemm id-dipendenza li għandha fuq iż-żejt u l-gass Russu.

Ħafna pajjiżi iżda, għad m’għandhomx l-infrastruttura biex jimxu lejn forom ta’ enerġija aktar sostenibbli.

Il-gwerra internazzjonali tal-offerti għall-gass is-sena l-oħra rat pajjiżi ifqar bħall-Pakistan u l-Bangladexx li ma setgħux jaffordjaw vjaġġi ta’ gass naturali likwidu (LNG) li minflok ġew devjati lejn l-Ewropa tal-Punent.

Il-Kumitat tat-Tibdil fil-Klima sab li l-apparat fid-djar li jaħdem bil-gass kien marbut ma’ problemi respiratorji u mard kardjovaskulari.

Claire Fyson, ko-kap tal-politika dwar il-klima tal-istitut globali tax-xjenza u l-politika, Climate Analytics, qalet li l-idea li hija għażla bejn il-vizzju tal-użu tal-fjuwils fossili jew ix-xogħol bid-dawl tax-xemgħa hija rappreżentazzjoni ħażina ħafna tar-realtà, meta kulħadd jaf li l-enerġija rinnovabbli hija aktar nadifa, irħas u aħjar għas-saħħa pubblika.”

Ir-Renju Unit wiegħed li jonfoq £11.6 biljun fuq il-finanzjament internazzjonali tal-klima iżda f’memorandum li ra l-BBC intqal li xokkijiet ekonomiċi bħal dawk tal-pandemija tal-Covid biddlu mira strateġika fi sfida enormi.

Skont l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija, jekk il-gvernijiet huma serji dwar il-kriżi tal-klima, ma jistax ikomplu jħallu jsiru investimenti ġodda fiż-żejt, il-gass u l-faħam u għandhom jibdew minn issa qabel ikun tard wisq.

Ekonomija

Sport