Jekk l-elezzjoni presidenzjali fl-Istati Uniti tintrebaħ minn Kamala Harris, il-politika tal-pajjiż tibqa’ miexja skont il-binarju li ssettja l-president attwali Joe Biden? Harris serviet matul l-amministrazzjoni ta’ Biden bħala l-viċi president. Dan jagħti ħjiel li ftit jista’ jkun hemm lok għal bidliet kbar fil-politika Amerikana b’Harris bħala s-suċċessur ta’ Biden.
Dil-konklużjoni tista’ tmur żmerċ għax f’ħafna oqsma, il-linji mmexxija minn Biden daqt se jkollhom bżonn sħiħ ta’ tiġdid. Jinsabu resqin – jekk mhux diġà waslu – sa fejn jistgħu jitwasslu, speċjalment fil-qasam tal-politika barranija. Fil-konfront mar-Russja, fir-relazzjonijiet maċ-Ċina u anke f’dawk mal-Unjoni Ewropea (fuq skala għal kollox differenti minn tat-tnejn l-oħra) jekk l-affarijiet jibqgħu għaddejjin kif inhuma, il-possibilità ta’ gwerra (bierda jew le) issir dejjem aktar qawwija. Dan ma jkunx fl-interess tal-Istati Uniti.
Bl-istess mod, jidhru li jeħtieġu aġġornament il-linji ta’ politika fl-oqsma tal-immigrazzjoni, tal-ekonomija u tal-ambjent.
PJANI
Intqal dan l-aħħar li tħejjew u qed jitħejjew pjani għall-futur minn dipartimenti u entijiet tal-gvern biex b’hekk jassiguraw li jkollna strateġija siewja għall-futur. Hu minnu li f’numru ta’ setturi ħarġu dokumenti li jippreżentaw pjani u proposti għall-futur. Mhux kollha huma tal-istess kalibru għalkemm kollha juru impenn għal xi forma ta’ pjan tat-tul.
Biss x’aktarx li b’dan li qed isir, il-karru qed jitpoġġa quddiem iż-żiemel. Għax li neħtieġu qabel xejn hu pjan ġenerali ta’ żvilupp għall-ekonomija u s-soċjetà, li jkopri l-oqsma kollha. Minnu li jridu joħorġu mbagħad il-pjani u l-proposti settorali.
Bejn is-snin 60 u 80 tas-seklu l-ieħor, kienu jiġu publikati pjani ta’ żvilupp nazzjonali. Lejn tmiem is-snin 80, l-amministrazzjoni Fenech Adami ddikjarat li ma kienx baqa’ lok għalihom u sal-lum, għadhom ma jsirux. Dan hu żball.
ARMI LILL-IŻRAEL
Ftit li xejn napprezza lill-President Emanuel Macron ta’ Franza bħala personalita politika, kemm għad-deċiżjonijiet li jieħu, kemm għall-mod kif jeħodhom. Biss għoġobni l-mod kif dwar il-gwerra tal-Gaza li għaddejja bħalissa, kien hu l-ewwel (l-uniku?) li qabad il-barri minn qrunu: stqarr li l-pajjiżi tal-punent m’għandhomx jibqgħu jibgħatu bla rażan ta’ xejn armamenti u bombi lejn l-Iżrael.
Il-mod barbaru kif l-Iżraeljani qed imexxu l-gwerra, kontra l-liġijiet li jirregolaw kif għandha tiġi sostnuta ħidma militari qed iwassal biex kuljum għexieren u mijiet ta’ nies ċivili jinqatlu.
Il-bombi li jintużaw huma maħduma fl-Amerika u fl-Ewropa. Iżrael baqa’ ma jagħti kas tal-ebda twissija li saritlu biex il-ħidmiet militari li qed imexxi jkunu proporzjonati u josservaw ir-regoli umanitarji. Il-linja li ħa Macron hi korretta, ġustifikata u messha titwettaq mill-potenzi kollha tal-punent.