Friday, December 20, 2024

X’MUDELL EKONOMIKU RRIDU?

Aqra wkoll

L-aġenzija internazzjonali ta’ kreditu rinomata, Moody’s, dan l-aħħar ikkonfermat ir-rating ta’ Malta bħala A2, waqt li sostniet li dan ir-rating juri qagħda ekonomika stabbli. L-esperti ekonomiċi ta’ Moody’s sostnew li pajjiżna huwa “ekonomija dinamika, b’saħħitha u diversifikata”. Fil-fatt pajjiżna dejjem jikklassifika ma’ fuq f’dak li huwa tkabbir ekonomiku.  

Ċertifikat importanti u inkoraġġanti bħal dan għandna narawh bħala punt ta’ fejn irridu naslu imma wkoll bħala punt ta’ tluq għal dak li għandha tkun l-ekonomija ta’ pajjiżna mhux għal-lum biss imma wisq aktar għall-ġejjieni. 

L-istat tal-ekonomija ta’ pajjiżna, qanqal dibattitu u opinjonijiet differenti fuq il-pass li jmiss u li pajjiżna għandu jieħu. Dibattitu bejn dawk li qed jinsistu fuq il-ħtieġa ta’ mudell ekonomiku ġdid mingħajr ma jfissru x’inhu l-mudell ekonomiku ġdid li għandhom f’moħħhom u dawk li jħossu li l-mudell ekonomiku t’issa serva tajjeb lill-pajjiżna u allura għandna nibnu fuq it-tajjeb kollu li ksibna. Jiġifieri li nkomplu nibnu u niddiversifikaw fuq dak kollu li fforma s-sinsla ekonomika Maltija. 

Irrispettivament minn liema ħsieb ekonomiku wieħed jista’ jkollu, żgur naqblu li s-sisien ekonomiċi ta’ pajjiżna huma b’saħħithom. Premessa li fuqha żgur wieħed jifhem x’għandu jkun il-pass li jmiss. 

Pass li fuqu pajjiżna jisfrutta l-kapaċitajiet tal-kapital uman lokali, li jisfrutta il-vantaġġi ġeostrateġiċi lokali, li jisfrutta l-vantaġġ ta’ pajjiż żgħir imma dinamiku u progressiv. Pass li fuq kollox jisħaq fuq li l-ekonomija Maltija taħseb barra mill-kaxxa u jekk hemm bżonn mingħajr il-kaxxa. Pass li ma jitlobx li nerġgħu nivvintaw ir-rota imma li nadattaw għal dak li qed jiġri madwarna, għal dak li jridu s-swieq ta’ madwarna, għal dak li s-suq internazzjonali qed jitlob.  

Xejn ikkumplikat. Pass li Malta tul l-istorja glorjuża tagħha dejjem uriet li kapaċi tadatta, kapaċi tisfrutta, kapaċi teċċella. Imma biex dan kollu jkompli jintlaħaq, il-prijoritá għandha tkun il-kapital uman. Sfida li pajjiżna jrid jindirizza b’mod għaqli u deċiż. Pass inevitabbli speċjalment meta wieħed jiftakar li l-kapital uman huwa r-riżorsa primarja li pajjiżna għandu. 

Ekonomija

Sport