Waqt li l-Papa Franġisku qed jingħata l-kura għall-pnewmonja doppja, TikToker Taljan Ottavo Re di Roma daħal mingħajr ħadd ma induna f’sala fl-isptar Gemelli f’Ruma, b’video camera. Hu għamel dan biex jistħarreġ fuq ix-xniegħat li kienu ilhom għaddejjin fuq siti soċjali, liema xniegħat kienu jgħidu li l-Papa Franġisku miet. Ix-xniegħat kienu jgħidu li minkejja li l-Papa kien miet, il-Vatikan għal xi raġuni jew oħra kien qed jaħbi din l-aħbar.
It-Tiktoker qal li fl-isptar m’hemm ebda sigurtà. Qal li “qatt ma kont nista’ nasal s’hemm kieku l-Papa kien hemm. Għal din ir-raġuni, fil-fehma tiegħi, il-Papa Franġisku miet” qal Ottavo Re di Roma lis-segwaċi tiegħu.
Jidher imma li t-Tiktoker Ottavo ġie mqarraq għax is-sala li daħal fiha ma kinitx dik fejn il-Papa Franġisku kien qed jiġi ttrattat.
Dan seħħ għax minn mindu l-Papa iddaħħal l-isptar ix-xahar li għadda, il-Vatikan kien qed iwettaq battalja sigrieta u mingħajr daqq ta’ trombi, sinonima ma’ kif jaħdem il-Vatikan. Din il-battalja kienet kontra l-aħbarijiet foloz u l-immaġini ġġenerati mill-AI li qed jiċċirkolaw fuq in-netwerks soċjali li jikkonċernaw saħħa tiegħu. Dawn kienu qegħdin jipproduċu aġġornamenti regolari dwar saħħu u messaġġ bil-vuċi mis-sodda tal-isptar.
Qabel Ottavo, TikToker ieħor imlaqqam Er Bombolino kien ipprova jidħol l-isptar ftit jiem qabel biex jipprova li Franġisku kien miet. Hu wkoll spiċċa fis-sala ħażina.