Hi xi ħaġa li tibqa’ misterjuża kif wara dawn is-snin kollha, bqajna ma sibniex metodu amministrattiv kif ix-xogħlijiet fit-toroq isiru bi pjan tassew tajjeb li jiżgura li jintemmu f’qasir żmien.
Fl-imgħoddi dawn ix-xogħlijiet kienu jsiru mid-dipartiment tax-xogħlijiet publiċi tal-gvern. Ukoll, kien ikun hemm dewmien biex dak li jinbeda jintemm, għalkemm mhux daqs illum. Imma kien hemm anqas konġestjoni fit-toroq. Argument li ntuża biex ix-xogħlijiet isiru mill-privat kien li d-dewmien jinqata u l-ħidmiet jitwettqu aħjar. Apparti mill-argument l-ieħor li jekk isiru mill-privat, ix-xogħlijiet jiġu irħas.
Mhux hekk ġara. Jista’ jkun li problema ewlenija hi li kulħadd qies dil-problema bħala waħda politika. Meta filfatt hi organizzattiva. Ikunu maħduma mill-privat jew mill-gvern, ix-xogħlijiet publiċi, anke ċkejkna, xorta jeħtieġu ippjanar. Mhijiex ħaġa ċara li dan qed isir jew li qed isir bil-galbu. Barra minn hekk, irid ikun hemm kundizzjonar sħiħ tal-kuntratti dwar xogħlijiet publiċi lil ditti privati ħalli jipprovdu ċertezza li d-ditti għandhom għandhom bhiex u jafu kif imexxu x-xogħlijiet.
SISTEMIĊI
Interessanti kif fl-ilmenti li ta’ spiss nisimgħu dwar l-iżvilupp ekonomiku mgħaġġel tal-aħħar snin, bl-effetti problematiċi tiegħu – ekonomiċi u soċjali – ftit titqanqal (jew xejn) ir-rabta sistemika tagħhom mas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. La mill-politiċi, la mill-ekonomisti akkademiċi jew tal-gvern u tal-privat, la miċ-ċittadini privati. Mentri s-sħubija kellha impatt sistemiku fuq il-pajjiż li wassal għal dawn l-effetti fost oħrajn:
–Fit-telfien ta’ kompetittività f’li kienet tipproduċi l-ekonomija għal ġewwa u għal barra, bl-applikazzjoni tar-regoli Ewropej;
–Fl-emfażi bħala kumpens li bdiet tikber fis-servizzi, bħal dawk finanzjarji u tal-gaming, barra mit-turiżmu, li fuqhom ma kienx hemm il-madmad tar-regoli Ewropej;
–Fit-tfittxija għal titjib fil-kompetittività esterna u interna, bl-importazzjoni ta’ manodopera rħisa.
LINGWI, XJENZI
Fil-lingwi u fix-xjenzi, l-edukazzjoni li nagħtu lit-tfal u liż-żgħażagħ trid tkun tal-aqwa kwalità jekk għall-quddiem se nsostnu l-ħila biex ikollna ċittadini li kapaċi jipproduċu, jikkompetu u joffru servizzi li huma bżonnjużi għal ħaddieħor.
Minn barra, wieħed ma jistax jikkummenta dwar jekk l-edukazzjoni provduta qed tkunx ta’ kwalità biżżejjed. Nittama u lest nemmen li hi.
Biss, mhijiex tattira biżżejjed interess fost l-istudenti. Ma jidhirx li hemm biżżejjed minnhom li huma interessati biżżejjed biex jispeċjalizzaw fihom. Navvanzaw kemm navvanzaw fit-taħriġ għas-snajja diġitali, ma nafx kemm dan jista’ jkun sostnut mill-pajjiż jekk jibqgħu jonqsu ċ-ċittadini mgħallma fil-lingwi u fix-xjenzi.
Tal-lingwi biex iżżommna f’kuntatt ma’ popli oħra, u mhux biss bl-Ingliż; tat-tieni biex ikollna fostna min jifhem l-għeruq ta’ kif ix-xjenza tibqa’ tibdel id-dinja.