Wednesday, October 9, 2024

Xogħlijiet fuq sistema ġdida ta’ drenaġġ f’San Pawl il-Baħar, b’investiment ta’ €6.4 miljun

Aqra wkoll

Xogħlijiet fuq sistema ġdida ta’ drenaġġ f’San Pawl il-Baħar qed javvanzaw b’rata mgħaġġla. Ix-xaft l-aktar fond tal-proġett tlesta, u bħalissa għaddejjin it-tħejjijiet biex tibda titħaffer mina ta’ 1.9 kilometru permezz ta’ teknoloġija avvanzata mingħajr l-użu tat-trinek, magħrufa bħala microtunnelling. Din is-sistema ġdida se tespandi l-infrastruttura tad-drenaġġ f’din iż-żona.

Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli ltaqgħet mal-impjegati u l-kuntratturi tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li qed jaħdmu fuq dan il-proġett, fis-sit fejn it-tħaffir huwa għaddej. Iż-żjara saret hekk kif ġie ċċelebrat il-Jum Dinji tal-Ilma fit-22 ta’Marzu 2024. Hija kienet akkumpanjata mill-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma Karl Cilia.

Dan il-proġett ta’ €6.4 miljun se jtejjeb l-immaniġġjar tad-drenaġġ f’San Pawl il-Baħar, kif ukoll fiż-żoni residenzjali qrib Kennedy Grove u żoni oħra f’din il-lokalità. Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qed tagħmel użu minn sistema sostenibbli u effiċjenti mingħajr trinek, magħrufa bħala microtunneling. Din it-teknoloġija tippermetti li ssir sistema ġdida ta’ drenaġġ mingħajr ma jitħaffru t-toroq.

Ix-xogħol fuq l-iskavar tal-launching xaft, fond 26 metru – wieħed mill-aktar fażijiet ta’ sfida tal-proġett – tlesta. Il-makkinarju tal-microtunneling issa se jitpoġġa isfel f’dan ix-xaft biex b’hekk jibda t-tħaffir tal-mina tad-drenaġġ, li l-fond tagħha se jvarja minn erba’ sa 50 metru taħt l-art. Minbarra l-launching xaft prinċipali, bħalissa qed jiġi skavat xaft ieħor, ta’ 25 metru fond. Barra minn hekk, bħala parti mill-proġett, il-Korporazzjoni se tkun qed tħaffer tliet xaftijiet oħra tul ir-rotta tal-mina.

Is-sistema ġdida ta’ drenaġġ hi waħda minn diversi proġetti li l-Korporazzjoni qed timplimenta f’lokalitajiet differenti, fosthom il-Marsa, San Ġiljan, l-Imsida u Birżebbuġa, bil-għan li tiżdied l-effiċjenza u s-sostenibbiltà tal-infrastruttura u l-operat tad-drenaġġ tal-pajjiż, filwaqt li tissodisfa l-bżonnijiet kemm preżenti u kif ukoll dawk tal-futur.

Il-Ministru Dalli spjegat li dawn il-proġetti huma parti mill-Pjan ta’ Investiment Nazzjonali 2023-2033 ta’ €310 miljun tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, bl-iskop li ssir rivoluzzjoni fl-immaniġġjar u s-sostenibbiltà tas-settur tal-ilma u tad-drenaġġ f’Malta.

“Fil-Jum Dinji tal-Ilma, qed nirrikonoxxu l-isforzi ta’ ħafna ħaddiema impenjati fl-immaniġġjar u l-iżvilupp tas-sistemi tal-ilma u tad-drenaġġ ta’ Malta. Dan il-proġett f’San Pawl il-Baħar huwa biss wieħed minn diversi investimenti, kemm dawk li diġà qed isiru u kemm dawk li ser jibdew fil-ġejjieni, biex jiġu indirizzati sfidi importanti li għandhom impatt fuq ir-riżorsi tal-ilma tagħna, inklużi it-tibdil fil-klima u t-tniġġis ambjentali,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.

“Infrastruttura aħjar tad-drenaġġ, u investiment akbar fil-produzzjoni ta’ New Water għall-agrikoltura, se jkomplu jżidu s-sostenibbiltà tal-operat tad-drenaġġ ta’ Malta, permezz ta’ aktar riċiklaġġ tal-ilma, inqas estrazzjoni tal-ilma tal-pjan, u inqas riskju ta’ tniġġis u impatti ambjentali oħra fuq artna u l-baħar ta’ madwarna,” żiedet il-Ministru.

Karl Cilia enfasizza l-importanza tal-proġett ta’ San Pawl il-Baħar. “Permezz ta’ dan it-titjib fis-sistema, qed insaħħu l-impenn tagħna biex nissalvagwardjaw is-saħħa pubblika u nipproteġu l-ambjent naturali tagħna għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin. Dawn il-proġetti huma riflessjoni tal-impenn qawwi tagħna lejn l-eċċellenza u l-innovazzjoni fis-servizzi li noffru lill-komunità,” qal is-Sur Cilia.

Għal aktar informazzjoni, żur wsc.com.mt jew segwi l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u Sostenibilità fuq is-siti soċjali tagħha.

Sport