Saturday, December 21, 2024

Xogħlijiet ġodda fil-gallerija tal-arti fil-beraħ tal-Marsa-Ħamrun Bypass

Aqra wkoll

“Il-Ħolma t’Alla”, sensiela ta’ ritratti tal-istudent tal-fotografija Nathan Camilleri, tinsab għall-wiri fil-gallerija tal-arti fil-beraħ tal-Marsa-Ħamrun Bypass, bħala parti minn kollaborazzjoni bejn l-Istitut għall-Arti Kreattiva tal-MCAST u Infrastructure Malta.

Is-sensiela fotografika ta’ Camilleri hija ispirata mill-poeżija ta’ Anton Buttigieg li ġġib l-istess isem. Buttigieg (1912-1983), serva bħala t-tieni President ta’ Malta u huwa wkoll wieħed mill-protagonisti tal-letteratura Maltija tas-seklu 20. “Il-Ħolma t’Alla” tistieden lill-qarrejja biex japprezzaw u jirrispettaw id-dinja bħala biċċa xogħol t’arti divina. Permezz tar-ritratti tiegħu, Camilleri jieħu lil dawk li jarawhom fuq vjaġġ sensorju tan-narrattiva ta’ din il-poeżija.

Il-fotografu żagħżugħ jispjega li “dan il-proġett sawwar flimkien u ddokumenta l-element uman, in-natura u l-arti bl-istess mod li ħafna drabi huma marbutin fil-ħajja. Ir-ritratti jesponu l-ambjent lokali tagħna bħala għodda biex nibnu djalogu bejn il-letteratura, l-interpretazzjoni artistika u dawk li jaraw dawn ix-xogħlijiet. Il-kreazzjoni artistika tirrifletti ruħha fil-pajsaġġ lokali tagħna, li hija parti integrali minn sforz konġunt sabiex nipproteġu lid-dinja tagħna, li qed tiġi rappreżentata bl-immaġini ta’ tifla żgħira.”

Infrastructure Malta u l-Istitut għall-Arti Kreattiva tal-Kulleġġ Malti għall-Arti, x-Xjenza u t-Teknoloġija (MCAST) nedew il-gallerija tal-arti fil-beraħ fil-Marsa-Ħamrun Bypass, l-ewwel tax-xorta tagħha f’Malta, f’Diċembru tal-2020. Il-gallerija tal-arti li tinsab f’nofs il-ġnien vertikali tul il-karreġġjata tan-nofsinhar ta’ din it-triq, qed tagħti lill-istudenti tal-Istitut spazju alternattiv biex jesebixxu x-xogħlijiet artistiċi tagħhom b’mod li jitgawdew minn eluf ta’ persuni li kuljum jivvjaġġaw minn din ir-rotta prinċipali miċ-ċentru lejn in-naħa t’isfel ta’ Malta.

Carmen Aquilina, Pierre Mifsud u Darren Tanti, it-tliet letturi tal-arti li żviluppaw dan il-kunċett ġdid t’arti fil-pubbliku flimkien ma’ Infrastructure Malta, użaw din il-kollaborazzjoni biex jistudjaw l-arti pubblika u komunitarja bħala għodda pedagoġika, sabiex il-pubbliku jiġi mħeġġeġ jitgħallem josserva u japprezza l-kreazzjonijiet artistiċi. Il-letturi fformulaw dokument b’linji ta’ gwida għall-edukaturi, amministraturi edukattivi u individwi oħrajn involuti fi proġetti simili tal-arti pubblika. Kopja ta’ dawn il-linji ta’ gwida tista’ tintalab mill-Istitut permezz tat-telefon fuq 2398 7753.

Għal aktar tagħrif u għajnuna, żur www.infrastructuremalta.com jew www.mcast.edu.mt, jew ikkuntattja lil Infrastructure Malta fuq 2334 1000, [email protected] jew fuq Facebook, Twitter u Instagram.

Ekonomija

Sport