Friday, May 23, 2025

XOGĦLIJIET MA JISPIĊĊAW QATT

Aqra wkoll

Ktibt dwarha diversi drabi qabel u naħseb li sfortunatament se tibqa’ materja li dwarha jridu jibqgħu jinkitbu kummenti… għax hi tal-mistħija. Jinbeda proġett ta’ bini fi triq. Sakemm jitlesta, tittieħed bankina sħiħa u l-ispazju maġenbha fejn jipparkjaw karozzi: hu spazju publiku. Paċenzja, igħidulek, sakemm jitlesta l-proġett…

Ta’ spiss, il-proġett jibqa’ għaddej, jew aħjar, jagħmel ġimgħat u aktar wieqaf, bil-bankina mbarrata. Min irid jgħaddi minn hemm jew jimxi fil-parti tat-triq fejn isuqu l-karozzi, jew jaqsam għan-naħa l-oħra. Dan mhux sew. Min jitlaq għal proġett u qed joħloq inkonvenjent jew agħar liċ-ċittadini, irid ikun lest biex ilestih fi żmien raġonevoli, inkella ma jibdieh xejn.

Ħaġa naturali bħal din mid-dehra ma titqiesx prattika normali; u mhux f’Malta biss. Il-publiku hu mistenni jġorr id-dwejjaq maħluqa bla bżonn mill-imprenditur. Xieraq li dan jiġi ċċarġjat piena qawwija għal kull jum li jdum aktar minn data ssettjatha għal meta jrid ilesti. 

GŻIRA

Frankament ma nsibx konvinċenti l-argument tal-gvern għaliex m’għandux jirranġa biex minflok il-gżira ta’ Manwel tinbidel f’żona ħadra, din għandha tibqa’ tinbena kif iridu l-iżviluppaturi privati li għamlu diżastru minn Tigne. L-argument hu legalistiku wisq u jista’ jiġi mwaqqa’ bl-istess mod. Hemm diversi oqsma fejn il-ftehim oriġinali dwar Tigne kif imgħoddi mill-Parlament ġie mxaqqaq, għalkemm il-gvern għalaq għajnejh. Ixxaqqaq biżżejjed biex il-kontinwazzjoni tiegħu messha xxaqqet ukoll bil-kbir.

Għandhom jitqiesu aktar l-kriterji li jirrigwardaw l-interess ġenerali. It-trasformazzjonijiet nazzjonali li saru u li qed inħejju għalihom (inkluż f’Viżjoni 2050) affettwaw b’mod straordinarju l-proġett minn kif tnebbaħ snin ilu. Niftakar tajjeb x’qalli Albert Mizzi, il-moħħ wara l-proġett: Il-konsorzju irid jieħu l-gżira ta’ Manwel mhux għax iridha … m’għandha l-ebda valur kummerċjali!… B’kontrapiż għall-benefiċċji ta’ Tigne li ħa, il-proġett se jkun qed isebbaħ il-gżira fl-interess nazzjonali, bla ma jagħmel l-ebda profitt.

KULT 

Għal snin twal konna nikkundannaw il-kult tal-personalità li nbena fl-istati awtoritarji. Fl-aħħar, anke dawk l-istati li kienu jipprattikawh waslu biex ikkundannawh. Is-soċjetà liberali u demokratika, kien jintqal, hi s-salvagwardja kontra l-kult tal-personalità. Imma tassew?

Għax apparti mill-politika, forom tal-kult tal-personalità qed jidhru kullimkien, min-natura stess tal-mezzi soċjali tal-kumnikazzjoni u tat-tmexxija tagħhom li saret aktar u aktar ikkontrollata min-nies tal-flus. Jitħaddmu b’mekkaniżmi differenti ħafna minn dawk li pprattikaw ir-reġimi ta’ Hitler u Stalin, imma qed ikunu effettivi daqs tagħhom. Fin-negozju, fl-isport, fid-divertiment, u wkoll għaliex le, fil-politka. Sempliċement m’għadniex insejħulu bl-istess mod, imma kult jibqa’: fejn min qed jitpoġġa fuq nett, jitqies bħala suprem. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport