Thursday, December 26, 2024

Xogħlijiet ta’ restawr fuq il-ħitan storiċi li jinsabu tul passaġġ antik fiz-Zuntier tal-Bażilika ta’ San Pawl, ir-Rabat (Malta)

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici żar xogħlijiet ta’ restawr li jinsabu għaddejjin fuq il-ħitan storiċi li jinsabu tul passaġġ antik fiz-Zuntier tal-Bażilika ta’ San Pawl, ir-Rabat.

Dawn il-ħitan storiċi huma wieħed mill-għaxar proġetti magħżula mis-Sejħa tal-Iskema tal-Kunsilli Lokali tal-2020/21.

Il-proġett kien propost mill-Kunsill Lokali tar-Rabat (Malta) u x-xogħlijiet kollha, inkluż d-dokumentazzjoni tas-sit għall-applikazzjoni tal-permess tal-Ippjanar, u interventi kollha sussegwenti fuq is-sit saru mill-ħaddiema tad-Direttorat tar-Restawr.

Ix-xogħlijiet inbdew f’Ġunju 2022 u huwa maħsub li jitlestew sal-aħħar ta’ Lulju 2023.

Il-Ministru Bonnici qal li dan ir-restawr ikompli jixhed id-determinazzjoni kontinwa biex nibqgħu nippreservaw il-Wirt Nazzjonali.

Hu stqarr li l-Gvern se jkompli jimpenja ruhu biex postijiet bħal dawn f’diversi lokalitajiet inkomplu nħarsuhom u nindukrahom. Enfassiza l-impenn biex inkomplu ninvestu biex insaħħu il-Wirt patrimonjali Malti, filwaqt li rringrazzja lill-ħaddiema tax-xogħol tas-sengħa kbira li qed iwettqu.

Il-Perit inkarigat fuq dawn ix- xogħlijiet Stephen Pulis spjega x-xogħlijiet li qed isiru.

L-interventi li qed jitwettqu jinkludu fost oħrajn: tindif tal-ħitan storiċi minn ħmieġ sewdieni u depożiti superfiċjali oħra li akkumulaw maż-żmien, tikħil ta’ fili b’taħlita ibbażata fuq il-ġir, tneħħija ta’ graffiti, tikħil u kisi tas-siment, u pajpijiet tal-elettriku li kienu miżjuda wara, tindif u konsolidazzjoni tal-istatwi tal-ġebel li kienu diġà hemm, flimkien mal-iskulturi u l-motifi skolpiti illi tqiegħdu simettrikament fuq il-ħitan u saru mill-ġdid il-gastri u l-iskultura tal-ġebel ornamentali li kienu ntilfu maż-żmien.

Fil-kumment tas-Sindku tar-Rabat Sandro Craus qal ” L-importanza li nkomplu naħdmu biex inġibu t-turizmu reliġjuz fil-lokalita tagħna.” Dan il-post kien fi stat li se jintilef, imma bis-saħħa tal-ħaddiema bravi, issa nistgħu ngawduħ.”

Is-Sindku temm jgħid billi qal li jinsab ħerqan biex jara li dan ix-xogħol jiġi apprezzat aktar mir-residenti u mit-tfal tagħna.
Is-sit huwa ddedikat lil San Pawl u kien destinazzjoni qaddisa għal bosta pellegrini u vjaġġaturi minn pajjiżi oħra għal sekli sħaħ. Il-ħitan inbnew fl-1906 fuq iż-żewġ naħat ta’ passaġġ antik li jagħti mill-lvant għall-punent, għandhom motivi skolpiti li jġorru fuq iż-żewġ naħat statwi li jirrappreżentaw l-erwieħ fil-purgatorju u ġew minquxa fil-ġebla. Dak iż-żmien ġew ikkummissjonati u mqiegħda wkoll, fuq il-ħitan, gastri li jissimboliżżaw il-fjammi biex ifakkru lill-viżitaturi li dan huwa ċimiterju u post qaddis.

Preżenti għall-din il-Konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll Membri tal-Kunsill Lokali tar-Rabat u l-Arċipriet Fr Joe Mizzi.

Ekonomija

Sport