Thursday, March 28, 2024

SKART

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Hu evidenti li qed isir progress fil-ġbir tal-iskart domestiku. Fuq medda medja għat-tul, jidher li dieħla sistema li se tkun qed tiġbor b’metodu u b’ordni l-fdalijiet għar-rimi tad-djar anke waqt li l-volum li qed jiġi ġenerat ras imb ras fis-soċjetà tagħna hu fost l-ogħla fl-Ewropa, jekk fhimt tajjeb.

Min-naħa l-oħra, li mhux daqstant ċar hu xi progress qed isir fil-mod kif l-iskart qed jiġi pproċessat. Saru investimenti mhux ċkejkna f’dal-qasam fejn għal numru ta’ snin konna waqajna lura, anke fir-rigward ta’ impenji li kienu ttieħdu fil-qafas tal-Unjoni Ewropea. Dwar kif niddisponu finalment mill-iskart, għadu fattur ewlieni l-użu (il-qerda) ta’ żoni fejn iż-żibel jintradam – żoni li ilhom jespandu. Fl-istess ħin, għall-iskart tossiku kemm aħna żguri li l-mod kif dan qed jiġi mneħħi hu sostenibbli?

Ir-rapporti li jsiru dwar dawn l-iżviluppi jixirqilhom jingħataw aktar pubbliċità u attenzjoni mill-midja u miċ-ċittadini.

MEMBRI F’UNJIN

Ħaddiema membri f’unjin isibu aktar protezzjoni fuq il-post tax-xogħol tagħhom minn dawk li mhumiex. Jekk ħaddiema li jaqilgħu anqas minn ċerta paga jridu bilfors, bil-liġi, ikunu membri ta’ unjin x’aktarx li numru sew minnhom b’hekk jisfaw protetti aħjar mill-esplojtazzjoni fuq il-post tax-xogħol.

Madankollu wieħed irid jaħseb ukoll f’kif dis-sistema tista’ tiġi evitata minn min iħaddem. Bla dubju jkun hemm manuvri biex il-ħlasijiet li jsiru jiġu dikjarati b’mod li joħroġhom barra minn regolament li jġibhom taħt sħubija mandatorja f’unjin. U jistgħu jiżviluppaw biżibilju ta’ strataġemmi f’das-sens. Dan apparti mill-fatt li ħafna mill-esplojtazzjoni ssir fuq bażi “informali”, b’xogħol li jingħata u jinħadem bogħod mill-istruttura ta’ xi kuntratt tax-xogħol.

LIĊENZJI

Is-sistema l-ġdida li qed tiġi proposta għall-illiċenzjar ta’ min jista’ jaħdem fil-qasam tal-bini hi meħtieġa u messha ilha li saret. Iddaħħal standards obligatorji ta’ ħila teknika fil-kostruzzjoni għal dawk li jindaħlu biex jagħmlu xogħol f’dal-qasam.

Madankollu kif niftakarha jien, problema hi li imprendituri li jidħlu għal xi biċċa xogħol la jkunu mgħammra sew biex iwettquha, u lanqas ikollhom biżżejjed ħaddiema biex iwettquha sew. Ġieli jidħlu għal kuntratt u jaraw wara kif se jillipazzaw biex ilaħħqu miegħu. F’dal-proċess jimpjegaw kif l-aktar li jaqbel għal dak li jkun inqala’, ħafna drabi b’mod irregolari u bis-sulluzzu. X’aktarx li huma nfushom ikunu tas-sengħa imma fir-realtà ftit jagħtu kas jekk min iħaddmu, huwiex.

Dan ifisser li x-xogħol jista’ jsir b’tagħmir li mhux biżżejjed għal dak li jinvolvi u l-ħaddiema, anke jekk kwalifikati, jistgħu jitpoġġew fil-periklu.

Ma narax kif dil-problema tista’ tiġi ndirizzata sew bl-illiċenzjar tas-snajja tal-ħaddiema fil-bini.

Ekonomija

Sport