IX-XEWKA TAL-ISKORPJUN (328 paġna, ippubblikat minn ĦORIZONS Malta) huwa s-seba’ rumanz tal-awtur Ben Agius. Dan huwa fuq stil (ġeneru) thriller, u huwa wkoll it-tieni rumanz ambjentat f’Malta fiż-żmien it-Tieni Gwerra Dinjija. Madankollu, il-gwerra f’dan ir-rumanz tieħu rwol sekondarju, u sservi biss bħala skond għall-ġrajja ta’ Joe u ommu Tereża.
Fil-ġrajja tar-rumanz niltaqgħu ma’ Joe, jew Piccolo Joe (kif isejħulu); tfajjel ta’ 9 snin bi problemi mentali, u li jgħix ma’ ommu Tereża fil-burdell ta’ Madame Mimì fi Strada Stretta, il-Belt. Joe iħobb iħuff wara l-qattus f’din id-dar kbira, u darba, waqt li jkun qiegħed ifittex lill-qattus, jara l-qtil brutali tal-patruna tad-dar, Madame Mimì.
Il-qattiel, spija Taljan imlaqqam ‘l-Iskorpjun’, illi jkun qiegħed ifittex tagħrif dwar konfoffa kontra Mussolini, jilmaħ lit-tfajjel jaħrab minn fuq il-lok tad-delitt. Minn dan il-waqt ‘l quddiem, tibda taqtigħa sabiex l-Iskorpjun isib lil Joe, filwaqt li Tereża tagħmel minn kollox sabiex taħbi lil binha u tħarsu mill-assassin isus warajh.
Iżda meta Tereża tintebaħ illi lanqas il-Pulizija ma jistgħu jipproteġu lilha u lil Joe, ma jkollix triq oħra għajr li taħrab mill-Belt taħt il-bombi tal-għadu. L-uniku lok fejn setgħet tinħeba kien ir-rrazzett ta’ missierha, mnejn kienet ħarbet kważi għaxar snin qabel.
Biss fit-trankwillità tal-Fawwara kien hemm bosta sigrieti mill-imgħoddi x’jistennew lil Tereża, u kif naraw, il-gwerra tagħha kienet għadha ser tibda.
Bħar-rumanzi l-oħra ta’ Agius, l-eċitament u l-qiegħ ta’ qalb ma jonqsu qatt matul il-ġrajja. Bħal ma tonqosx ukoll dik it-twist (sorpriża) tal-aħħar. Ħaġa nteressani għall-qarrejja hija li f’dan ir-rumanz, Ben Agius jerġa’ jlaqqgħna mal-karattru tal-Ispettur Luret Gatt li kien protagonist fl-ewwel rumanz tiegġu – IBEN IL-QUISLING.
L-awtur xtaq jiddedika dan ix-xogħol lil dawk kollha li jħobbu jaqraw bil-Malti – “speċjalment li dawk li jaqraw ir-rumanzi tiegħi”, jgħid Ben Agius.


