Wednesday, June 3, 2026

OĦROĠHOM JIVVOTAW

Aqra wkoll

L-aqwa sfida għal kull partit politiku f’elezzjoni demokratika hi kemm se jirnexxilu jimmobilizza biżżejjed il-votanti tiegħu u joħroġhom “kollha” biex jivvotawlu. Kullimkien, parti essenzjali mill-makkinarju politiku tikkonsisti f’kif se ssostni kuntatt mal-votanti biex tiżgura li se jaqdu “dmirhom”.

Kruċjali f’dan hu li l-informazzjoni dwar min huma dawn it-talin u kif se tikkuntattjahom tinżamm aġġornata b’nies imħarrġa biex isegwu l-kuntatti. F’pajjiż bħal tagħna fejn iċ-ċokon jiddomina, it-teknika ta’ kif “toħroġhom jivvotaw” laħqet sofistikazzjoni qawwija. B’ċertu mod, is-sistema elettorali kif żviluppat bi qbil bejn il-partiti, hi mibnija biex toffri spazju sħiħ ħalli titħaddem dit-teknika. Partit juri li hu organizzat kif imiss meta jispikka f’dat-tħaddim. Juri li għandu problemi politiċi meta f’dal-qasam, il-magna elettorali tiegħu tinħass pjuttost ċassa. 

Sadattant, fil-biċċa kollha, il-partiti jridu joqogħdu b’seba’ għajnejn li l-isforzi tagħhom biex joħorġu l-votanti ma jkollhomx l-effett oppost għal dak li jridu – billi jdejqu bil-fittaġni tagħhom lil min jixtiequ jħajru jmur jivvota.

***

WISQ KUNFIDENZA

Periklu għall-Partit Laburista fl-aħħar żminijiet kien li jsir wisq fiduċjuż. Bit-tneħħija ta’ elezzjonijiet spissi, l-mod kif stajna nħossu kif inhu sejjer is-sentiment popolari kien permezz tal-istħarriġ tal-opinjoni. Veru li l-mezzi u l-metodi li bihom dan l-istħarriġ qed isir illum laħqu livelli professjonali impressjonanti. Imma d-dubju dejjem jibqa’ dwar kemm ir-riżultati murija mis-surveys jaqbdu tassew ir-realtà tas-sentiment popolari issa u llum. Mhux dejjem dad-dubju kien fieragħ. 

B’mod konsistenti l-istħarriġ li sar baqa’ juri lill-PL f’qagħda dominanti. Il-Partit għamel tajjeb li ma fadax f’hekk, ma għamiex bil-kunfidenza żejda u mexxa kampanja fejn kull vot u kull kuntatt ingħata importanza.

***

VOTI MINN BARRA

Dwar il-vot tal-Maltin li jgħixu barra, żewġ żviluppi saru ċari matul iż-żmien. L-ewwel hemm qbil li dawn il-Maltin għandu jkollhom id-dritt li jivvotaw f’elezzjonijiet ġenerali. U t-tieni, li għandu jkun hemm ħidma biex tassew ikunu jistgħu jivvotaw. Sa issa din ikkonsistiet filli jingħataw sussidju fuq il-biljetti tal-ajru li jkollhom jixtru biex jiġu Malta. Dal-metodu hu goff, ma hux “universali” u jiswa l-flus.

L-ideali jkun li l-Maltin ta’ barra jkunu jistgħu jivvotaw minn fejn jinsabu. Fl-Istati Uniti fost oħrajn hemm il-vot li jsir bil-posta. Imma dan dejjem qajjem kritika,  u dan l-aħħar bil-kbir mill-President Trump. Għal Malta żgur joħloq komplikazzjonijiet enormi. Forsi l-istess ħaġa tista’ tintqal għal votazzjoni mill-ambaxxati.

Imma allura, għax mhux vot bl-internet? Ma nkunux qed nivventaw ir-rota – kemm insegwu l-eżempju tal-Estonja. Ilha mis-sena 2005 torganizza l-elezzjonijiet bl-internet, għal min hu barra, kif ukoll għal residenti fil-pajjiż.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport