Wednesday, June 3, 2026

Il-GTA tilqa’ t-tnedija tal-flotta tat-trasport pubbliku kompletament elettrika f’Għawdex

Aqra wkoll

L-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu (GTA) laqgħet l-introduzzjoni tal-karozzi tal-linja elettriċi ġodda għat-trasport pubbliku f’Għawdex. “Dan l-investiment jimmarka pass importanti ’l quddiem fit-titjib tal-mobilità sostenibbli madwar Għawdex,” qalet il-GTA. 

Il-ġimgħa li għaddiet tħabbar li l-kumpanija Malta Public Transport bdiet topera s-servizz tat-trasport pubbliku f’Għawdex b’karozzi tal-linja tal-elettriku b’emissjonijiet żero. Dan l-investiment ta’ €11-il miljun jirrifletti kisba ewlenija lejn mobbiltà aktar nadifa u sostenibbli fil-gżira Għawdxija.

Fi stqarrija, il-GTA nnotat li t-tnedija tal-flotta elettrika kienet akkumpanjata wkoll minn titjib f’diversi rotot madwar Għawdex, biex kompliet tissaħħaħ is-sistema tat-trasport pubbliku li diġà hi affidabli u konsistenti għar-residenti, il-ħaddiema u l-viżitaturi. 

L-Assoċjazzjoni nnotat ukoll li din it-tranżizzjoni ta’ karozzi tal-linja elettriċi hi allinjata wkoll mal-viżjoni fit-tul għal Għawdex li ssir gżira ekoloġika. “Inizjattivi bħal dawn isaħħu l-impenn ta’ Għawdex li jissalvagwardjaw il-pajsaġġ naturali tagħha, itejbu l-kwalità tal-arja u tippromwovi forom ta’ vvjaġġar aktar ekoloġiċi.”

L-Assoċjazzjoni tenniet li l-introduzzjoni ta’ karozzi tal-linja elettriċi kien pass importanti u pożittiv filwaqt li qalet li tħares ’il quddiem għal aktar kollaborazzjoni mal-istakeholders biex ikun assigurat li Għawdex jibqa’ eżempju ewlieni ta’ turiżmu sostenibbli fil-gżira. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport