Friday, March 21, 2025

XOGĦOL INDUSTRIJALI

Aqra wkoll

Ingħidu xi ngħidu, nippretendu x’nippretendu, d-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea kellu jfisser tnaqqis serju fil-ħidma industrijali tal-pajjiż, kemm b’mod relattiv imma wkoll b’mod konkret f’numru ta’ oqsma. Minflok komplew jiżviluppaw u jimmodernizzaw, dawn għalqu.

B’xorti tajba, mhux kollox intemm. Ċerti setturi baqgħu fostna. Bil-mod il-mod anke kibru, għalkemm ma baqgħux jissejħu “industriji”. L-aqwa li jipprovdu żvog għal ħidma ta’ produzzjoni materjali bl-użu ta’ snajja tekniċi marbuta mal-produzzjoni industrijali.

F’das-sens, kienet aħbar mill-isbaħ li l-Lufthansa Teknik se tespandi l-operazzjonijiet tagħha f’pajjiżna. Jistgħu jsejħu x-xogħol li tagħmel bħala servizz, imma fil-verità hu xogħol industrijali addattat għaċ-ċirkostanzi ta’ Malta. Wieħed jittama li din il-ħidma tibqa’ sejra tajjeb biex tkompli tikkontribwixxi b’mod solidu għall-iżvilupp industrijali.

Fuq nota oħra: wieħed jittama wkoll li l-inkwiet dwar tariffi li l-amministrazzjoni Amerikana ta’ Trump qed taqla’ mad-dinja kollha mhux se taffettwa l-ħidma tal-aqwa azjenda industrijali tal-pajjiż – l-ST Microelectronics.

KORDINAMENT

M’hemmx bżonn ta’ rapporti (imħallsa tajjeb) minn tekniċi mqabbda apposta jew stejjer fil-ġurnali biex joħroġ fil-beraħ in-nuqqas sfiq ta’ kordinament bejn xogħlijiet publiċi u privati fit-toroq. Niġu wiċċ imb’wiċċ miegħu – kif ġejt jien ġimgħa ilu – fil-ħajja tagħna ta’ kuljum.

It-triq li kont għaddej minnha (one-way) ingħalqet bla avviż fil-bidu tagħha. It-triq li stajt indur magħha biex noħroġ minn hemm (ukoll one-way) kienet ukoll magħluqa. Biex toħroġ naħa jew oħra ridt bilfors issuq mill-inħawi kollha, kontra l-one way. Ma kien hemm ħadd biex jikkontrolla din it-tgħassida…

Kieku kienet okkażjoni ta’ darba tgħid: u iva! Imma ma kinitx. Qed tiġri ta’ spiss wisq. Forsi biex tindara…

MILITAR EWROPEW

Jekk l-Ewropej tassew iridu jaslu għal xi awtonomija strateġika kif ilu jippriedka l-President Macron ta’ Franza u kif il-kanċellier Ġermaniż ta’ dalwaqt Friedrich Merz donnu jaqbel, iridu jqisu sew il-loġika ta’ dak li qed jitkellmu dwaru. Mhux l-anqas fil-qasam militari.

L-uniku mod kif eventalwment l-Ewropej jistgħu jkunu kredibbli meta jimmiraw għal awtonomija strateġika hu billi jibnu armata federali. Għadhom jinsabu bogħod ħafna minn hekk, u dan apparti mill-fatt l-ieħor li l-investimenti fil-materjal, fir-reklutaġġ ta’ nies u fit-taħriġ tagħhom għadhom lura sew mill-minimu meħtieġ biex forza militari Ewropea tkun tista’ tinħass fl-Ewropa nnifisha.

L-argument qed ikun li minkejja li dan kollu hu minnu, l-Ewropa bħala enti kontinentali separata trid tibda minn x’imkien. Hu punt validu. Il-problema hi li mhux kulħadd jaqbel miegħu bl-istess mod u ħafna Ewropej huma impenjati kontra tiegħu, mhux l-anqas għax “ħafna” ma jridux iċedu l-awtonomija nazzjonali tagħhom.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport