Monday, May 13, 2024

Xogħol li jirrikjedi ħafna ħin, dettall, dedikazzjoni u preċiżjoni

- il-presepist Joseph Micallef

Aqra wkoll

Bosta għadhom jgħożżu t-tradizzjoni li jduru l-ibliet u l-irħula jżuru l-presepji varji. Din is-sena dawk li għad għandhom din it-tradizzjoni għal qalbhom jistgħu japprezzaw wħud mill-presepji privati li jinsabu għall-wiri f’Ħaż-Żebbuġ.

Il-presepji jirrakkontaw l-istorja viżiva u interattiva tat-twelid ta’ Ġesu Bambin. M’hemmx roqgħa li ma fihiex dettall, mill-mod ta’ kif inhuma maħdumin il-presepji għall-ħajja li tikaratterizza x-xeni u li juri li aktar ma tersaq lura fix-xeni, aktar jiċkienu l-affarijiet skont il-proporzjon.

Dan il-ġurnal tkellem mal-presipist Joseph Micallef, li ilu mis-sajf jaħdem fuq dawn il-presepji. Micallef irrimarka li meta wieħed iħares lejn il-presepji li għamel hu, jista jara li huma maħdumin fuq dik li tissejjaħ id-diorama, jiġifieri li dawn huma maħdumin minn perspettiva.

“Jien għaddej is-sena kollha ma nieqafx naħdem fuq l-affarijiet tal-idejn, għax x-xogħol tiegħi huwa ta’ skultur. Meta wieħed jara dawn il-presepji, li domt mhux ħażin biex lestejt, tħossok mhux biss li qed tidħol fl-ispirtu, iżda tħossok parti mill-presepji”.

Joseph qalilna li ilu sa mill-2018 juża l-kreattivitá li kellu minn ċkunitu sabiex joħloq presepji bl-idejn. Kienet ix-xewqa tiegħu li jaħdem presepju artistiku ta’ kobor.

Qal ukoll li dawn il-presepji ma kinux ikunu possibli, kieku ma’ kellux l-għajnuna ta’ bosta nies oħra u l-appoġġ ta’ martu Bernice. Kien hawn fejn irrimarka, li proġetti bħal dawn jirrikjedu ħafna xogħol u ħin. Irrakonta kif ta’ spiss kien imur il-garaxx wara x-xogħol biex jaħdem fuqhom.

Joseph temm jgħid li għas-sena d-dieħla għandu aspirazzjoni oħra, dik li jkabbar il-presepju u li jkompli bil-wirjiet. Għal dawk kollha interessati li jaraw il-presepji ta’ Micallef, jiistgħu jagħmlu dawn billi jżuru l-garaxx li jinsab fi Triq il-Fuqqanija, f’Ħaż-Żebbuġ.

Il-wirja tal-presepji, bdiet mis-16 ta’ Diċembru u se tibqa’ miftuħa sas-7 ta’ Jannar, mill-5:30 p.m. sat-8.30 p.m., bil-Ħdud u l-festi jiftaħ mill-10:00 a.m sa nofsinhar u mill-5.30 p.m. sat-8.30 p.m.

Sport