Monday, September 22, 2025

XOGĦOL PARLAMENTARI

Aqra wkoll

Dis-sena jekk qed nagħraf tajjeb, il-Parlament Malti osserva fost l-iċken btala tas-sajf fis-snin riċenti, kważi daqs dik tal-Parlament Ewropew. Sinjal li kien u għad hemm ħafna xogħol siewi għaddej mill-Parlament. Ftit jiġi segwit mill-poplu. Ftit joħroġ tagħrif dwaru fuq il-mezzi tax-xandir, il-gazzetti u s-siti tal-internet.

Veru li l-laqgħat kollha jiġu trasmessi minn fuq kanali tat-TV u fuq l-internet. Imma huma nies li interessati fil-ħidma parlamentari li jsegwuhom – minoranza qawwija.

Il-verità hi li l-biċċa l-kbira ta’ dak li jgħaddi mill-Parlament ma jkunx kontroversjali. Dwaru jinstab qbil bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra. F’ħafna mill-każi, ma jkunx qbil ċass fejn jgħaddu l-miżuri b’daqqa sempliċi ta’ ras, imma wieħed kostruttiv bil-membri jipproponu bidliet għall-aħjar li jiġu kunsidrati u ta’ spiss addottati. Dit-tip ta’ diskussjoni ftit tqanqal interess barra, bilkemm tiġi nnotata jew irrapportata. Forsi l-Parlament innifsu jmissu jagħmel aktar relazzjonijiet publiċi dwar ix-xogħol tiegħu. Parlamenti oħra hekk jagħmlu.

REGOLI TAS-SEWQAN

F’dak kollu li jintqal dwar ir-riformi meħtieġa, kollha validi, biex il-problemi tat-traffiku jitrażżnu u jissewwew, ir-regoli li bihom isir is-sewqan fit-toroq  ftit jissemmew. Issa dawn ir-regoli tfasslu ilu ħafna u jirriflettu żmien meta t-traffiku kien anqas iffullat, anqas divers u aktar plaċidu. Illum l-istess iffullar daħħal urġenzi fis-sewqan li joħolqu sitwazzjonijiet ta’ kważi-kriżi  fit-toroq li malajr jispiċċaw barra mill-kontroll.

Terġa’ il-vetturi fit-toroq illum mhux biss żdiedu fin-numru u fil-qawwa, talli bejniethom m’għadhomx fl-istess proporzjon bħal qabel fit-toroq. Hemm ħafna aktar muturi, bicycles u scooters. Minn fejn u kif jgħaddu, kif jittrattaw lil dawk li qed jimxu mat-toroq, fejn u kif jipparkjaw huma kollha ċirkostanzi li mhux dejjem jistgħu jiġu regolati tajjeb b’miżuri ta’ żminijiet oħra. 

L-AMERIKA FI KRIŻI?

Matul il-biċċa l-kbira tas-sittinijiet u l-ewwel nofs tas-sebgħinijiet tas-seklu l-ieħor, fl-Istati Uniti it-taqlib politiku kien massiċċ. Qanqal diżgwid ċiviku enormi. Qamu kontroversi kbar dwar id-drittijiet tal-poplu iswed, il-protesti fost iż-żgħażagħ fl-Universitajiet u l-gwerra tal-Vjetnam. Fost oħrajn ġew assassinati ż-żewġ aħwa Kennedy u Martin Luther King waqt li attentat ta’ assassinju ħalla lill-gvernatur Wallace ta’ Alabama paralizzat għal għomru. Is-sens ta’ kriżi soċjali u politika fil-pajjiż kien qawwi.

Għaliex iżda llum li hemm tensjonijiet qawwija fl-Istati Uniti imma ma jidhrux qliel daqskemm kienu ta’ 50/60 sena ilu, wieħed jibqa’ bil-fehma li l-pajjiż għaddej minn kriżi ta’ identità tant qawwija li qed tlaħħaq il-livelli ta’ tiċrita ċivili fondamentali? Qed ikunu l-medja soċjali li qed iwaddbu aktar petrol fuq in-nar? Jew il-pożizzjoni li qed jieħu l-President Trump?

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport