Saturday, April 27, 2024

“Xokk soċjali… irridu naraw għaliex l-allegat aggressur wasal biex wettaq dan l-att”

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

“B’umiltà irridu naraw x’ġara fl-att kriminali ta’ nhar il-Ħadd, li wassal għal allegat stupru u qtil ta’ mara fi ġnien l-Indipendenza f’Tas-Sliema. Irridu naraw is-sistemi soċjali, amministrattivi edukattivi, fejn qed ifallu u dan  biex reati xokkanti bħal dawn ma jerġgħux jiġru.  Irridu nistaqsu għaliex l-aggressur wasal s’hemm. X’inhuma iċ-ċirkostanzi soċjali li wassluh għal dan? Għaliex dan ma konniex kapaċi nieħdu ħsiebu biżżejjed u wettaq dan l-att? Dak li seħħ il-Ħadd hu xokk soċjali”.

Dan sostnieh il-Ministru għall-Ġustizzja, Edward Zammit Lewis, meta tkellem ma’ Talk.mt dwar il-qtil ta’ Paulina Dembska li seħħ nhar il-Ħadd li għadda.

Il-Ministru għall-Ġustizzja qalilna li “dak li ġara nhar il-Ħadd ċertament hu kundannabbli. Dak li seħħ iġiegħlna naħsbu dwar is-sitwazzjoni ta’ aggressjoni. Dan hu każ sub judice allura allegazzjoni ta’ omiċidju volontajru imma hu każ li  iġiegħlna naħsbu għax għamilna ħafna fejn jidħlu id-drittijiet u anke bħala pajjiż hu firmatarju tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul.  Wettaqna ħafna minn dak li tgħid il-Konvenzjoni imma soċjalment dak li ġara l-Ħadd jinkwetak. Hu ta’ tħassib li persuna tkun qiegħda f’ambjent sigur u ssib persuna li mhux biss aggrediha imma kien hemm attakk fuq is-sesswalità tagħha għax hi mara”.

“Għaddejna rekord ta’ liġijiet”

Il-Ministru Zammit Lewis kompla jgħid li “dan hu gvern li jgħaddi l-liġijiet li hemm bżonn. L-amministrazzjoni Robert Abela għaddiet rekord ta’ liġijiet.  Għaddew 155 abbozz ta’ liġi f’inqas fi 22 xahar. 38 fil-mija minnhom għaddejnihom dan il-ministeru.  Normalment, sa mis-sena 1964 il-Ministeru tal-Ġustizzja  kien jgħaddi bejn  40 jew 50 abbozz f’leġislatura.  L-amminsitrazzjoni Robert Abela, fi 22 xahar għaddiet 53 abbozz.  Dan juri ix-xogħol li sar.”

“B’umiltà rridu naraw x’ġara l-Ħadd li għadda”

Temm jgħid li “b’umiltà irridu naraw x’ġara l-Ħadd li għadda. Irridu naraw is-sistemi soċjali, amministrattivi edukattivi, fejn qed ifallu u dan  biex reati xokkanti bħal dawn ma jerġgħux jiġru.”

Staqsejnieh jekk jaħsibx li r-reat tal-Ħadd hux tort ta’ soċjetà sħiħa, fejn hu sostna li “jien ngħid li s-soċjetà għandha diversi uċuħ. Hemm il-wiċċ li s-soċjetà uriet fl-Istrina u ġabriet oħra li saru.  Minkejja l-pandemija u diffikultajiet naraw dak l-ammont li nġabru. Hemm imbagħad  ġrieħi fis-soċjetà bħal vjolenza domestika, serq u wieħed irid jindirizzahom. M’għandniex naraw kollox b’mod pessimist. Il-gvern irid ikun umli. Rajna il-Prim Ministru imur għal velja. Hemm entitajiet li forsi rridu ninvestu aktar bħal fis-settur edukattiv biex persuni bħall-allegat aggressur  jinqabdu u ngħinuhom. Lill-aggressur trid tgħinu. Min għamel ir-reat ma tistax tgħid li hu inkluż fis-soċjetà. Is-soċjetà hi miexja ‘l quddiem. Għandna soċjetà aktar tolleranti u qed nitgħallmu. Is-soċjetà inbidlet, u hemm reazzjonijiet diversi. Il-progress ma jħassru ħadd. Irridu imma nindirizzaw l-isfidi.”

Tenna li “nifhem ix-xokk tas-soċjetà għal dak li sar. Jien għandi tifla ta’ 16-il sena. Ma nħossnix sigur li tista’ toħroġ u jsir reat li ma rrridx inkun fiż-żarbun tal-ġenituri li jesperjenzaw dan. Ir-reazzjoni tal-gvern trid tkun sensata, sistematika u li ssir b’analiżi”.

Sport