Għada niċċelebraw l-47 sena mindu għalaqna l-bażijiet militari Britanniċi fostna. Din is-sena taħbat ukoll id-39 sena mindu qbilna fil-Kostituzzjoni tagħna li Malta tkun pajjiż favur il-paċi, ma tidħol fl-ebda alleanza militari u ma tħallix il-bażijiet tal-gwerra fiha biex Malta ma tidħolx fil-gwerer ta’ ħaddieħor. Malta la għandha s-saħħa u lanqas ir-rieda tattakka lil xi pajjiż ieħor.
Għandha kull interess tkun ħabiba ta’ kulħadd. Mhux għaqal li jkun hemm pajjiż li jkollu xi jgħid ma’ pajjiż ieħor u aħna li nkunu ħbieb ta’ dawn iż-żewġ pajjiżi jkollna nagħżlu li nżommu ma’ pajjiż kontra ieħor. Jingħad li bażi militari barranija sservi biex tipproteġik. Kif qed turina l-gwerra tal-Iżrael u l-Istati Uniti kontra l-Iran, il-bażijiet militari Amerikani fil-pajjiżi ġirien tal-Iran, inkluż Ċipru, qed jintużaw biex jiġi attakkat l-Iran u l-Iran qed jattakka lil dawn il-bażijiet.
Kalamita mhux umbrella
Aktar milli jservu ta’ umbrella biex jipproteġuk, dawn il-bażijiet huma kalamita biex jiġbdu lejhom il-bombi, id-droni, il-missili li ma jkunx immirati għalik imma taqlagħhom int għax qed jinqdew bik fi gwerra ma’ pajjiż li int ma tridx gwerra miegħu.
Jumejn oħra niċċelebraw li aħna m’aħniex fost il-1,247 bażi militari barranija li huwa stmat li hawn f’aktar minn 80 pajjiż fid-dinja. Aktar minn 750 bażi huma tal-Istati Uniti. Id-daqs tagħhom huwa akbar mill-bażijiet kollha f’salt li għandhom 18-il pajjiż ieħor fid-dinja, inkluż ir-Renju Unit, Franza, ir-Russja, it-Turkija u ċ-Ċina.
Ħafna mill-bażijiet fid-dinja huma kkonċentrati fil-Lvant Nofsani u fl-Asja-Paċifiku fejn hemm il-gass, iż-żejt u riżorsi oħra li jridu jikkontrollaw pajjiżi oħra u li jikkompetu għalihom pajjiżi b’saħħithom, biex jieħduhom huma jew jippruvaw iċaħħduhom lill-pajjiżi oħra.
Fil-każ tagħna għal seklu wara l-ieħor, kull min ried jiddomina fil-Mediterran, kien irid jikkontrolla lil Malta biex jinqeda bil-portijiet tagħha biex jattakka lill-pajjiżi oħra. Matul is-sekli, sofrejna mill-inqas 24 invażjoni li qerdulna djarna u l-għelieqi, qatlulna u ħadulna eluf ta’ nies ilsiera u qatt ma stajna nieħdu r-ruħ biex noħolqu x-xogħol u ntejbu l-għixien tagħna għax min kien jaħkimna kien jużana għall-interessi militari tiegħġu biss u xejn iżjed. Jekk ikollna nikkalkulaw il-8,500 sena storja tagħna fuq din il-gżira bħala jum ta’ 24 siegħa, ilna inqas minn 10 minuti nmexxu lilna nfusna u jerġa inqas bla ebda bażi militari barranija fuqna u fostna.
‘Lily pad’
Xorta għandna min hu nteressat li jaħkimna u jużana għall-interessi militari u dominanza tiegħu. L-Istati Uniti fil-miftuħ tiddikjara li trid lil Malta sservieha għall-interessi tagħha fil-Mediterran anki jekk dan imur kontra l-interessi tagħna. Illum biex jikkontrollawna, mhemmx għalfejn jinvaduna bl-ajruplani u l-vapuri tal-gwerra. Dak huwa mod iebes u aħrax kif tiddomina pajjiż.
Illum lilna jikkontrollawna b’mod artab u ħelu ħelu billi jdaħħluna fi programmi politiċi u militari tagħhom imkebbin fil-karti sbieħ ta’ għajnuna umanitarja u ta’ sigurtà. Dawn it-tip ta’ bażijiet li mhumiex goffi u fil-miftuħ jissejħu ‘lily pads’.
Waqt li l-gvern Laburista mmexxi minn Dom Mintoff tellaq ‘il barra mill-bieb lill-kmand tan-NATO fl-1971, in-NATO dieħel lura mit-tieqa f’pajjiżna bi qbil bejn iż-żewġ partiti ewlenin. Gvern u Oppożizzjoni qablu li nieħdu sehem fl-Assemblea Parlamentari tan-NATO.
Qablu li nieħdu sehem fi programmi ta’ taħriġ u ta’ sorvelja tal-Forzi Armati ta’ Malta fi programmi Amerikani bħal Foreign Military Financing, taħriġ fi skejjel militari Amerikani (International Military Education & Training (IMET), il-kisba ta’ armi u tagħmir elettroniku komuni mal-Istati Uniti u n-NATO, nieħdu sehem fil-programm militari tan-NATO (Individually Tailored Partnership Programme (ITPP), il-Planning and Review Process (PARP) u l-Operational Capabilities Concept (OCC E&F) biex Malta tkun tista’ tieħu sehem f’operazzjonijiet tan-NATO msejħin bħala tal-paċi.
Sadattant l-Unjoni Ewropea qed issir alleanza militari. M’għadhiex l-Unjoni Ewropea li dħalna fiha bil-kundizzjoni li tirrispetta n-newtralità tagħna u l-impenn li ma nidħlu fl-ebda alleanza militari u ma jkollna l-ebda bażi militari fuq artna. Waqt li l-pajjiżi kontinentali Ewropej iridu jiżviluppaw f’alleanza militari, aħna għandna kull interess li għall-ġid tagħna ma nerġgħux insiru bażi militari barranija.
Jumejn oħra niċċelebraw li bħal ħafna kolonji oħra għalaqna l-bażi militari fuq artna biex fl-aħħar inkunu ħielsa ngħixu bil-kummerċ, bl-industrija, bit-turiżmu u b’xogħol ieħor flok kif konna qabel: niddependu minn kemm għandhom interess jonfqu u jużaw lil Malta għall-interess militari tagħhom dawk li kienu jaħkmuna.

