Sunday, December 22, 2024

X’qed jipprova jnessi l-PN dwar il-kostruzzjoni

Jikteb FRANS GHIRXI

Aqra wkoll

It-traġedja Jean Paul Sofia waddbet lenti fuq il-qasam tal-kostruzzjoni. Lenti li jien ngħid li kien messha ilha li twaddbet. Tul is-snin inċidenti serji fuq postijiet ta’ kostruzzjoni kellna mhux ftit. Lanqas ma kienu ftit l-inċidenti li fihom tilfu ħajjithom ħaddiema f’dan is-settur. Kien preċiż il-kumment editorjali ta’ din il-gazzetta nhar il-Ħadd li għadda fejn qal li “il-qasam tal-kostruzzjoni huwa settur li jeħtieġ li jkun regolat aħjar bil-għan li jitħaddem b’aktar serjetà, kull min jaħdem fih iġorr ir-responsabbiltà ta’ għemilu biex finalment titjieb il-kwali­tà tal-mod kif isir ix-xogħol u ta’ dak li jinbena. Dan is-settur hemm diversi rwoli importanti li jaħdmu fih, kemm rwoli professjonali kif ukoll rwoli li jeħtieġu snajja’ u ħiliet differenti. Responsabiltajiet li bit-tisħiħ fir-regolamenti li qed jiddaħħlu qed jiġu definiti aħjar u li qed jagħtu aktar setgħat ta’ infurzar lill-awtoritajiet.”

Ma rridx nidher li qed niddefendi nuqqasijiet amministrattivi li seta’ kien hemm fil-każ Jean Paul Sofia. Aktar u aktar meta tressqu persuni l-Qorti b’riżultat ta’ inkjesta maġisterjali u hemm ukoll inkjesta pubblika. Imma nħoss li għandi ngħid li sa minn qabel seħħ il-każ il-Gvern kien għamel numru ta’ stqarrijiet dwar id-direzzjoni meħtieġa fil-qasam tal-kos­truzzjoni. Imisshom ilhom li saru? Kemm trid.

U dan iġibni għall-ipok­rezija tal-Partit Nazzjonalista dwar dan il-każ. Jgħid x’jgħid il-Partit Nazzjonalista kien ovvju li rikeb fuq il-każ. Innotajt kemm żamm lura sakemm deherlu li kien wasal il-mument opportun biex jirkeb il-karru? Għamel hekk għax il-kuxjenza tiegħu, jekk għandu, tniggżu bil-kbir fuq dan is-settur. Suppost li tniggżu għax jaf li meta kellu ċ-ċans jagħmel xi ħaġa beda fuqha u ma komplix.

Fis-Seduta Parlamentari tat-28 ta’ Settembru 2009, taħt Gvern Nazzjonalista tressqet mozzjoni fil-Parlament f’isem il-Perit George Pullicino, allura Ministru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali, li biha kien propost l-Ewwel Qari tal-Abbozz ta’ Liġi msejjaħ Att tal-2009 dwar ir-Regolamenti tal-Bini. Riedu jgħaddu seba’ xhur biex il-Ministru George Pullicino jressaq it-Tieni Qari u l-ewwel ħaġa li stqarr kien id-dewmien biex ikun dis­kuss is-settur. Il-Perit Pullicino kien beda l-intervent tiegħu hekk: “Sur President, irrid ngħid li għalkemm dan qiegħed insejjaħlu abbozz ta’ liġi ġdid, effettivament ilu jiġi diskuss għal bosta snin. Fil-fatt imur lura għall-bidu tas-sena 2000 imma issa dan is-suġġett irridu nikkonkluduh.”

L-eks Ministru Pullicino kien qalilna li dak li kien qed iressaq għad-diskussjoni fil-fatt id-diskussjoni fuqu kienet ilha li bdiet 10 snin u ma ngħalqitx. Forsi jkun in­teressanti jkun segwit kemm inċidenti kien hemm fil-qasam tal-kostruzzjoni bejn is-sena 2000 u s-sena 2013 meta twarrab mill-poter il-Gvern Nazzjonalista. Forsi jkun interessanti nsiru nafu kemm kien hemm fatalitajiet fuq postijiet ta’ kostruzzjoni, anke jekk ma nidħlux fil-mertu ta’ kemm kienet kbira din l-industrija dakinhar u kemm kibret tul dawn l-aħħar snin.

Meta tara dak li sar f’dan is-settur minn sentejn ilu ’l hawn, minn meta twaqqfet l-entità li qed issegwi l-ħarsien tar-regolamenti dwar il-kostruzzjoni, l-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) u dak propost fir-rigward ta’ liċenzjar ta’ kunt­ratturi u bennejja, fost affa­rijiet oħra, malajr tinduna bin-nuqqasijiet li hemm.

Ġustament jista’ jingħad li bejn is-sena 2013 meta ġie elett Gvern Laburista u llum għaddew tmien snin, ukoll żmien twil. Imma ridt nurik l-ipokrezija tal-Partit Nazzjonalista meta jippruvaw jippuntaw subgħajhom ’il bogħod minnhom u jittantaw jilagħbuha tal-verġni.

Il-kitba fuq il-ħajt mill-PN: Ngħollu l-kontijiet tad-dawl

Il-mewġa ta’ ħsarat fid-distribuzzjoni tad-dawl li kellna ftit tal-jiem ilu serviet għall-Partit Nazzjonalista bħal tibna li tinzerta fejn wieħed li jkun qed jegħreq u jiggranfa magħha. Fasslu malajr malajr sett ta’ proposti biex skont huma ma jkollnix l-esperjenza li kellna riċentement. Proposti li wrew konsistenza tal-Partit Nazzjonalista fejn jirrigwarda l-enerġija: is-suq isuq bil-piż jitwaddab fuq il-konsumatur.

Proposta Numru 9 li għamel il-Partit Nazzjonalista tgħid speċifikament hekk: Liberalizzazzjoni tas-suq tad-distribuzzjoni tal-enerġija li tippermetti li jkun hawn lok ta’ investiment mill-privat. Fi kliem sempliċi dan ifisser li d-distribuzzjoni tal-­enerġija, mhux il-provvista, jagħtuha lill-privat. Għad irrid nara xi mkien, meta, il-privat daħal biex iġorr il-piż bla ma jagħmel il-qligħ li jkun qed jippretendi għall-investiment li jkun għamel.

Imma ma tistax, u m’għandekx taqbad din l-istorja minn dan it-tarf, it-tarf tal-proposti Nazzjonalisti riċenti. U lanqas se nieħdok lura wisq fiż-żmien. Sa qabel Marzu 2013, meta allura l-pajjiż kien taħt amministrazzjoni tal-Partit Nazzjonalista b’Lawrence Gonzi Prim Ministru.

Il-kontijiet tad-dawl u l-ilma kienu sploduti. Konna nistennew kull ­tmiem ix-xahar biex inkunu nafu kemm se jkun il-prezz tal-petrol u d-diesel minn l-għada. Is-suq isuq. Imma dejjem l-prezzijiet għat-telgħa. L-Oppożizzjoni Laburista ta’ dak iż-żmien ressqet mozzjoni fil-Parlament biex il-prezzijiet tal-enerġija ma jibqgħux jogħlew billi jkun hemm l-intervent min-naħa tal-Istat. Lawrence Gonzi qal LE. Mhux talli qal LE talli għamilha ċara daqs il-kristall li kien se jivvota bil-qalb kontra dak li kienet qed tipproponi l-Oppożizzjoni Laburista.

Minn dakinhar sal-lum il-Partit Nazzjonalista bidel tliet kapijiet. Bil-modi biżarri tagħhom. Dak aff­ari tagħhom. Imma dejjem baqgħu konsistenti fuq fejn jidħlu prezzijiet tal-enerġija. Il-piż għandu jitgħadda fuq spallejn il-poplu. Is-suq isuq. B’konsistenza ma’ din it-teżi ħarġu bi ħġarhom kontra li l-Gvern jgħin lill-industrija fiż-żamma stabbli tal-­prezzijiet bla ma jgħidu li dan ikun ifisser żieda fl-ispiża tal-produzzjoni. Żieda li tkun tfisser li jiżdied il-prezz tal-prodott u li ovvjament tingħadda fuq il-konsumatur. Apparti l-instabilità li joħolqu. Imma għalihom dik hija s-soluzzjoni. Farfar minn fuq spallejk u għaddih fuq spallet-il poplu.

Id-dikjarazzjoni tal-Partit Nazzjonalista hija ċara daqs il-kristall. Fejn tidħol l-enerġija s-suq isuq. Bil-konsegwenzi kollha tiegħu. Illum il-­qasam tal-enerġija. U għada?

Ekonomija

Sport