Sunday, December 22, 2024

X’QEGĦDIN JIPPRUVAW INESSUK

Aqra wkoll

Tħassib ewlieni fost in-nies jikkonċerna l-għoli tal-ħajja. Il-varjazzjoni tal-prezzijiet ta’ oġġetti essenzjali minn jum għal ieħor. Dak li llum tixtrih bi prezz tmur jumejn wara u ssibu bi prezz ogħla. Immaterjali x’jikkawża tali ċaqliq ‘l fuq fil-prezzijiet. L-inċertezzi globali joħolqu u jwasslu għal inflazzjoni. Għal nuqqas ta’ stabbiltà. Inċertezzi globali li huma evidentissimi. U aktar ma jkunu fil-qrib ġeografikament aktar jolqtuk. Ċirkostanza fl-Ewropa tolqotna ferm aktar minn ċirkostanza fl-Amerika Latina. Il-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukranja hija eżempju tipiku. Minkejja li llum id-dinja ‘ċkienet’.

Huwa minn sfond bħal dan li wieħed għandu jikkonsidra x’ifisser il-ftehim milħuq bejn il-Gvern, sidien ta’ supermarkets u importaturi tal-ikel dwar stabbiltà fil-prezzijiet tal-ikel. Stabbiltà fil-prezzijiet ta’ 15-il kategorija ta’ ikel essenzjali. Dan ifisser garanzija li l-prezz ta’ madwar 400 prodott mhux se jogħla sa meta l-Gvern iressaq il-Budget għas-sena 2025. Ftehim li permezz tiegħu hemm roħs ta’ 15% fuq il-prezz rakkomandat li jinbiegħ il-prodott partikolari.

Ftehim li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar li għadda, bl-effett tiegħu jkun wieħed immedjat. Jirriżulta li fi Frar li għadda r-rata annwali tal-inflazzjoni skont l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut kienet ta’ 2.3%. Dan ifisser tnaqqis mir-rata ta’ 3.2% reġistrata fix-xahar ta’ qabel, f’Jannar.

Wieħed faċilment jinnota li l-Partit Nazzjonalista żamm profil mill-aktar baxx dwar dan il-ftehim. Attentat fil-bidu biex ‘jirredikolawh’ imma mbagħad malli daħal fis-seħħ waqgħu fil-muta. Waqgħu fil-muta għax jafu li l-konsumatur qed jesperjenza stabbiltà fil-prezzijiet. Waqgħu fil-muta għax jafu li pajjiżna huwa l-uniku wieħed li wasal għal ftehim bħal dan.

Huwa għalhekk li l-Partit Nazzjonalista qiegħed iżomm profil baxx dwar ħaġa bħal din, bil-għan li jnessihulek. Bil-għan li jaljenak minnu. Bħalma jagħmel fuq kull ħaġa oħra li lill-poplu taġevolah.

Illum l-aħħar ta’ Marzu. Taħt Gvern Nazzjonalista bħal-lejla kienu jitħabbru prezzijiet ġodda għall-enerġija. Prezzijiet ġodda għall-petrol, għad-diesel u għall-gass. Mhux hekk imma taħt Gvern Laburista. Il-prezzijiet tal-enerġija ilhom stabbli żmien twil. U li ma kienx hekk kieku s-sitwazzjoni tal-prezzijiet hija ferm differenti milli hi. Ħarsa lejn x’inhi s-sitwazzjoni fl-Ewropa tkun biżżejjed.

Li kien għall-Partit Nazzjonalista l-prezzijiet tal-enerġija huma skont dak li jiddetta s-suq għax dejjem hekk jippriedkaw: is-suq isuq. Politika li kienet kissret lill-familji Maltin u Għawdxin.
[email protected]

L-istennija tkompli

Se naġġornak ftit dwar talbiet/mistoqsijiet li għamilt minn dawn il-paġni u li fl-opinjoni tiegħi kienu u huma ġustifikati u li sal-lum bqajt bla tweġiba għalihom.

PAWLU BORG OLIVIER: Ftit wara lil-Avukat Wenzu Mintoff kien inħatar Imħallef fil-15 ta’ Lulju 2014, dalwaqt 10 snin ilu, l-eks-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista l-Avukat Pawlu Borg Olivier ħass li kellu jikkummenta. Kien qal li ma kienx lest iservi f’kawżi quddiem l-Imħallef Mintoff.

Wara aktar minn sentejn li Pawlu Borg Olivier kien qal hekk, fl-24 ta’ Novembru, 2016, ktibt fil-ġurnal L-ORIZZONT u staqsejtu kienx għadu ta’ din il-fehma. Erġajt staqsejtu tliet darbiet oħra minn din il-paġna, fit-22 ta’ Ottubru, 2023, fl-4 ta’ Frar li għadda u fis-17 ta’ Marzu, 2024.
Pawlu Borg Olivier b’ħalqu magħluq kien u b’ħalqu magħluq għadu.

L-ARĊISQOF CHARLES JUDE SCICLUNA: Kmieni din is-sena f’intervista mal-gazzetta Times of Malta l-Arċisqof Scicluna kien kwotat jikkummenta dwar artijiet li l-Knisja għaddiet lill-Gvern bi prezz irħis, €1,000 kull tomna, għall-bini ta’ akkomodazzjoni soċjali.

Fil-21 ta’ Jannar li għadda minn din il-paġna għamilt diversi mistoqsijiet lill-Arċisqof dwar kif il-Knisja ġew għandha l-artijiet li tkellem dwarhom. Staqsejtu kemm minnhom kienu ġejjin minn ‘tpartit’ ma’ suffraġju għal ruħ id-donatur/testatur u b’detriment għall-werrieta bioloġiċi tad-donatur/testatur. Staqsejtu jaqbilx ma’ testmenti bħal dawn u kemm kien hemm minnhom, fost domandi oħrajn.

Ħallejt ftit taż-żmien jgħaddi u fis-17 ta’ Marzu 2024 fakkart lill-Arċisqof Scicluna f’dawk il-mistoqsijiet peress li ma smajt xejn min-naħa tiegħu jew mill-Kurja. Sal-lum is-sitwazzjoni għadha l-istess. Skiet li jtarrax.

IĊ-ĊIMITERJU TA’ SANT’ANDRIJA, ĦAŻ-ŻEBBUĠ: Fil-ħarġa ta’ din il-gazzetta tat-18 ta’ Frar li għadda kont għamilt referenza għal wieħed mill-ħitan taċ-Ċimiterju ta’ Sant’Andrija, Ħaż-Żebbuġ li ġġarraf bil-maltemp żmien sostanzjalment twil qabel. Kont għidt li wara ħafna xhur sar ilqugħ temporanju. Staqsejt għala tali sitwazzjoni. Ħadd ma wieġeb xejn.
U hekk għadha s-sitwazzjoni.

BOLLARDS MITLUQIN: Kważi xahar ilu, fit-3 ta’ Marzu, ikkummentajt dwar bollards tal-plastik minxurin għal tulhom fl-art fi Triq l-Imdina, Ħ’Attard. Mhux xi dehra unika, anzi. Appellajt lil min hu responsabbli minnhom biex jinbidlu ħalli l-iskop li għalih twaħħlu, skop tajjeb u bżonnjuż ħafna, ikompli jintlaħaq.

Mitluqin għal tulhom kienu u mitluqin għal tulhom tħallew.

Dawn huma ftit eżempji ta’ din ix-xorta. Aktar ‘il quddiem infakkrek f’oħrajn.

Ekonomija

Sport