Għadd ta’ żgħażagħ f’pajjiżna fl-aħħar sigħat kellhom aġenda waħda għad-diskussjoni. Din kienet dik ta’ x’se jiġri minn TikTok. Dan wara li sar magħrufa li l-Kamra tar-Rappreżentanti fl-istati Uniti għaddiet abbożż ta’ liġi li jista’ jwassal biem TikTok ikun ipprojbit fl-Istati Uniti.
Studenta fil-Junior College f’kummenti lil dan is-sit qaltilna li “jien nuża TikTok regolarment. Nużah ħafna iktar minn Facebook. Narah aħjar. Ma nistax nifhem kif pajjiż bħal Istati Uniti qegħdin jippruvaw jipprojbixxuh. Hu mezz effettiv ħafna għall-kommunikazzjoni, għax fih jittellgħu filmati li hu l-mezz l-aktar segwit llum. Il-mistoqsija tiegħi hi kif se nintlaqtu aħna li qegħdin fl-Ewropa? Qiegħda nistaqsi dan għax hawn tħassib kbir fost iż-żgħażagħ li jekk jiġi pprojbit mill-Istati Uniti, u għalhekk ‘playstore’ ineħħuh, dan ikun ifisser li ħadd ma jkun jista’ jniżżlu għax ‘playstore’ huma fl-Istati Uniti”.
Student ieħor qalilna li “qegħdin naraw ġlieda, li se taffettwa l-libertà tagħna. Dik TikTok jagħti ċ-ċans lil kulħadd jesprimi ruħu b’filmati. M’hemmx ebda ċensura fih. Jien is-suspett tiegħu hu li dak li qed isir hu biex tiġi kkontrollata l-informazzjoni u b’hekk ċertu messaġġi ma jaslux.
Jekk tieħu Facebook tara li ċertu materjal ikun iċċensurat, imma f’TikTok dan ma jeżistix. Nittamaw li dak li sar fl-Istati Uniti mhux l-ewwel pass biex TikTok ikun projbit. Nittama ukoll li naraw protesti minn żgħażagħ u kull min juża dan il-mezz. Jekk twaqqfu l-Istati Uniti wieħed jista’ jifhem li imbagħad dan jibda jitwaqqaf f’pajjiżi oħra inkluż dawk Ewropej. Hemm il-kwistjoni tal-app ta’ TikTok li tniżżlilha u li din tista’ ma tibqax issir”.
X’ġara fl-Istati Uniti?
Dak li ġara fl-Istati Uniti hu mmirat lejn iċ-Ċina. Fl-abbożż ta’ liġi li għadda fil-Kamra tar-Rappreżentanti tal-Istati Uniti, il-kumpanija Ċiniża ByteDance, ingħatat ċans sitt xhur biex tbigħ l-ishma tagħha jew l-applikazzjoni tkun ipprojbita fl-Istati Uniti u l-utenti ma jkunux jistgħu jaċċessawha. L-abbozz jonqos li jiġi ffirmat mill-President tal-Istati Uniti biex isir liġi.
Wieħed irid jirrimarka li TikTok hi proprjetà tal-kumpanija Ċiniża ByteDance li twaqqfet fl-2012. Id-ditta bbażata f’Beijing hija rreġistrata fil-Gżejjer Cayman, u għandha uffiċċji madwar l-Ewropa u l-Istati Uniti.
Tilwima diplomatika?
Tqum id-domanda jekk finalment il-liġi tiġi iffirmata, dan iwassalx għal kwistjoni diplomatika maċ-Ċina. Sa issa mhux ċar x’se jiġri f’dan ir-rigward, iżda kienu diversi dawk li argumentaw f’dan is-sens.
TikTok quddiem dak deċiż, irreaġixxew u ipprovaw iserrħu moħħ ir-regolaturi li ħadu passi biex jiżguraw li d-data tal-150 miljun utent tagħha fl-Istati Uniti ġiet imħassra mill-impjegati ta’ ByteDance fiċ-Ċina.
“Jien għalija dak li sar fl-Istati Uniti, hu pass ieħor ta’ kontroll tal-informazzjoni. Dak li sar hu theddida għal libertà tal-espressjoni. Hu fatt li llum qegħdin naraw dejjem aktar miżuri mill-Istati biex jikkontrollaw l-informazzjoni. Biex iżommu milli ċertu informazzjoni li ma tistax tiġi ċċensurata tasal għand in-nies. Il-politiċi qegħdin jaraw li n-nies aktar milli joqogħdu jew jemmnu dak li jgħidu huma, qegħdin jirrikorru għas-siti soċjali fosthom TikTok. Din hi miżura drakonjana, li tmur kontra l-politika Amerikana għall-innovazzjoni diġitali”, qalilna student li tkellimna miegħu.