Friday, December 20, 2024

“Xtaqt nimxi fuq il-passi t’ommi u kburija li ma ddiżappuntajthiex”

Ella Portelli - Miss Universe Malta 2023

Aqra wkoll

Il-mudella Ella Portelli, li għandha 25 sena u toqgħod San Ġiljan, il-Ġimgħa filgħaxija rebħet Miss Universe Malta 2023 biex b’hekk se tkun qiegħda tirrappreżenta lil pajjiżna fit-72 edizzjoni ta’ Miss Universe f’El Salvador.

Fit-tieni post ikklassifikat Julia Cluett mill-Furjana filwaqt li Ntombi Malinga spiċċat fit-tielet post fejn kienet qed tirrappreżenta lil-lokalita’ ta’ San Ġwann.

Fost il-membri tal-ġurija kien hemm persuni professjonali li nġiebu minn barra apposta għal din is-serata fosthom Daria Suldina mir-Russja, Namiq Sirafilov mill-Ażerbaijan, Ingrid Maldonado mill-Ecuador, Anene Ferreira mill-Afrika t’Isfel, il-Kroata Nika Rosandic u t-Taljan Simone Neri fost oħrajn.

B’kollox se jkun hemm 95 pajjiż differenti jikkompetu għal Miss Universe Malta.
Dan il-ġurnal tkellem mal-ewwel ma’ Ella Portelli fejn tatna r-reazzjoni tagħha wara dan is-suċċess li kisbet.

L-ewwel mistoqsija li staqsejnieha kienet proprju dwar jekk kinitx qed tistenna li tirbaħ dan l-unur.

“Onestament ma kontx qed nistenna li nirbaħ dan il-konkors. Jekk tħares lejn wiċċi, tinduna li għadni sorpriża s’issa b’dak li rnexxieli nagħmel. Madankollu nista’ ngħid li ninsab fis-seba’ sema għal dan l-unur għax onestament ħdimt ħafna għaliha u mort hemm fuq mingħajr pressjoni ta’ xejn bl-objettiv ewlieni li nieħu pjaċir.”

Staqsejna lil Ella dwar kif bdiet l-imħabba tagħha lejn l-immudellar. Hi qalet li ġiet ispirata minn ommha stess li fil-passat rebħet ukoll konkors tas-sbuħija. Hi tiftakar meta bħala tifla ċkejkna kienet tmur m’ommha taraha titħarreġ u timmudella għas-serata finali.

“Fil-verità minn dejjem xtaqt li nimxi fuq il-passi t’ommi u kburija ngħid li rnexxieli ma niddiżappuntahiex. Hi kienet xprun għalija, għenitni ħafna u tatni ħafna pariri sabiex verament inkun preparata.”

Ella Portelli qaltilna li qabel ma telgħet fuq il-palk, ħasset dawk il-friefet fl-istonku li wara kollox huma normali iżda meta telgħet fuq il-palk, kellha ħafna kunfidenza fejn għamlet il-movimenti li tant tħarrġet għalihom fil-ġimgħat ta’ qabel. 

Ella taħdem bħala interior designer tant li gradwat b’dan is-settur bl-unuri kollha: “Sa minn meta kont żgħira, kont inħobb inbiddel spazji żgħar u kbar fi djar. Minn dejjem kont bniedma kreattiva u l-interior design verament hu dak ix-xogħol li jgħodd għalija. Dan kollu għeni sabiex bdejt nimxi l-ewwel passi f’dan is-settur u aktar tard nittama li nitla’ skaluna wara l-oħra sabiex nilħaq il-miri professjonali tiegħi.”

Iżda l-mistoqsija toħroġ naturali. Kif jirnexxielha tlaħħaq max-xogħol, taħriġ u l-kompetizzjonijiet tal-immudellar?

“Irrid ngħid li naħdem anke f’settur ieħor tad-djar u għalhekk l-impenn hu wieħed qawwi. Madankollu jien bniedma li nippjana ħafna u għalhekk inħobb norganizza ruħi sew għal dak li jista’ jinqala’. Mhux biċċa xogħol faċli biex tlaħħaq ma’ kollox, iżda naf nibbilanċja sew l-impenji tiegħi. Finalment inħoss dak iċ-ċertu sodisfazzjon li nara x-xogħol tiegħi javvanza dejjem aktar.”

F’dan il-konkors Miss Universe 2023 apparti l-lat kompetittiv, Ella kkonfermat li l-kontestanti kienu kompetituri dakinhar tal-kompetizzjoni, iżda ħbieb tul il-preparamenti kollha qabel l-avveniment: “Kien hemm atmosfera ta’ ħbiberija kbira bejn il-mudelli kollha u dan kollu kkontribwixxa sabiex il-lat soċjali u ta’ altruwiżmu rebaħ fuq dak kompetittiv. Kienet sena speċjali fejn aħna bħala kontestanti konna qed immorru verament tajjeb flimkien.”

Bħalma wieħed jinduna, mudella tidher ħafna mil-lat estetiku jiġifieri minn barra iżda kemm hu importanti li din tidher sabiħa mhux biss esterjorment iżda wkoll interjorment?

“Jien naraha kruċjali ħafna. Nemmen li s-sbuħija interjuri tirbaħ fuq kollox anke għax dik esterjuri biż-żmien tispiċċa jew forsi aħjar tgħib bil-mod. Madankollu s-sbuħija interjuri tibqa’ għal dejjem ikollok kemm ikollok żmien.”

Ella Portelli flimkien mal-kontestanti l-oħra faħħret l-organizzazzjoni impekkabbli li kellu Alan J. Darmanin u t-tim tiegħu li raw li kull dettall ikun preżenti tul din il-kompetizzjoni. Hi qalet li bħala mudelli ġew trattati tajjeb ħafna u dan għen sabiex il-konkors ikun wieħed ta’ suċċess.

Saqsejna lil Ella Portelli dwar x’qed tistenna mill-futur tagħha

“Jekk qed nitkellmu dwar il-futur riċenti, nittama li issa nkun nista’ nimraħ fl-interior designing għax minħabba l-kompetizzjoni tas-sbuħija Miss Universe 2023, kelli nwarrab xi ftit dan ix-xogħol. Madankollu issa nista’ nerġa’ nikkonċentra fuq xogħli u nara li navvanza dejjem aktar.”

U x’inhu l-messaġġ li Ella Portelli tixtieq twassal lit-tfal u ż-żgħażagħ li jixtiequ jaqbdu karriera fl-immudellar?

“L-ewwel u qabel kollox, tajjeb li kull persuna li qed tipprattika xi ħaġa, temmen fil-potenzjal tagħha. Tħallux lil xi persuni li jitkellmu b’mod negattiv fuqkom jaffettwawkom. F’dan il-każ, warrbuhom u jekk int temmen li dik hi l-aħjar triq, tħares lejn ħadd u ibqa’ għaddej għall-miri tiegħek.”

“Finalment sib ukoll nies li jifhmuk jew inkella li jridulek il-ġid għax b’hekk biss tista’ timxi ‘l quddiem.”

Ekonomija

Sport