Xufier ta’ vann inżamm arrestat wara li ġie mixli li kkorrompa tifel ta’ sitt snin wara li allegatament mess il-partijiet intimi tiegħu waqt li kien qed iwasslu lura d-dar mill-iskola.
Ir-raġel, li ismu mhux jixxandar fuq ordni tal-Qorti, kien arrestat wara li t-tifel fetaħ qalbu ma’ missieru b’rabta ma’ dak li allegatament kien seħħ. Il-missier flimkien ma’ ibnu marru l-Għassa tal-Imsida fejn sar rapport kontra x-xufier b’rabta mal-allegazzjonijiet.
Il-missier spjega li huwa jaħdem barra minn Malta u li meta kien hawn kien ċempel għal ibnu l-iskola u dan kien allega miegħu li s-sewwieq kien messlu l-ġenitali tiegħu darbtejn meta wasslu d-dar.
It-tifel l-ewwel tkellem mal-uffiċjali fl-Għassa tal-Imsida u sussegwentement tenna r-rakkont tiegħu mal-uffiċjali tal-Vice Squad. Imbagħad inħareġ mandat ta’ arrest fil-konfront tar-raġel u wara tressaq fil-Qorti.
Ir-raġel, li kien assistit minn żewġ interpreti, wieġeb mhux ħati li wettaq atti ta’ natura mhux konsenswali ma’ minuri u li kkorrompih. Huwa kien mixli wkoll li ħadem bħala sewwieq ta’ minivan mingħajr ma kellu liċenzja valida.
Quddiem il-Maġistrat Leonard Caruana, l-imputat wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu iżda baqa’ jinżamm arrestat wara li ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Dorianne Tabone u Eman Hayman megħjuna mill-Avukat Danika Vella mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
L-Avukati Jason Azzopardi u Kris Busietta dehru għall-imputat.