Saturday, December 14, 2024

XUFIERA TAL-Y PLATES … TOLLERANZA ŻERO GĦAL KSUR TAL-LIĠIJIET

Aqra wkoll

Il-mistoqsija oħt il-għerf u għalhekk bħala poplu għandna tendenza li nagħmlu mistoqsijiet li mhux dejjem ikunu faċli biex jaslu f’widnejn min ikollhom jaslu. Minkejja dan bis-saħħa tal-qawwa li sar għandha l-midja soċjali, il-politiċi u l-entitajiet rispettivi saru konxji li n-nies jeħtieġ li jingħataw soluzzjonijiet minħabba sitwazzjonijiet li jkunu qegħdin iħassbuhom. Mhux dejjem faċli u ċertu suġġetti xi kultant jirrikjedu attenzjoni kbira għax biex issolvi parti mill-problema ta’ xi wħud tista’ tikkawża inkonvenjent għal oħrajn.

Nemmnu li minbarra l-ħafna tajjeb li joħroġ minn ċertu kummenti bi kritika kostruttiva, ċertu kummenti esaġerati mimlija emozzjoni u li l-ħsieb tagħhom ikun biss li jwaqqgħu s-suġġett għaż-żufjett jew li jiksbu kemm jista’ jkun attenzjoni bażikament ikunu qegħdin jikkawżaw iktar ħsara milli ġid.

Minbarra l-problema tal-konġestjoni tat-traffiku li b’xi mod fl-aħħar jiem qabdet tikkalma fis-sigħat ta’ filgħodu minħabba li spiċċaw l-iskejjel, wieħed mill-aktar suġġetti diskussi fl-aħħar ġimgħat kien ċertament il-vetturi bil-Y Plates u dawk responsabbli. 

Mhux biss saru allegazzjonijiet min-naħa tal-Oppożizzjoni, iżda ġew ippubblikati anke chats ta’ persuni li bdew ixerrdu l-kelma li biex tinkiseb il-liċenzja ta’ dawn il-vetturi dak li jkun seta’ faċilment jara li jekk ma jgħaddix mill-bieb jgħaddi mit-tieqa u li għalhekk pajjiżna huwa l-post ideali biex tiġi taqla’ lira f’dan l-impjieg bħala xufier. 

Rajna wkoll diversi filmati ta’ sitwazzjonijiet inaċċettabbli fosthom xufier li għabba persuni fil-bagoll u minkejja ċertu kummenti esaġerati nemmnu aħna wkoll li sfortunatament il-mentalità f’pajjiżna hija waħda li jgħaddi kollox bħal pajjiżi oħrajn li forsi dawn ix-xufiera barranin ikunu mdorrijin biha. Għax inxtered il-filmat, l-entità responsabbli xerrdet stqarrija li fi ftit sigħat ix-xufier ġie identifikat u li ttieħdet azzjoni minnufih bis-sospenzjoni tal-liċenzja. Madanakollu ma smajna xejn iktar fuq dan il-każ. 

Matul tmiem il-ġimgħa li għaddiet Transport Malta wettqet diversi spezzjonijiet u r-riżultati tagħhom ukoll kienu segwiti minn baraxx ta’ kummenti. Nemmnu li huwa tajjeb li l-entità responsabbli ħadet azzjoni u wettqet dawn l-ispezzjonijiet li fl-opinjoni tagħna dan kienu pass fid-direzzjoni t-tajba. 

Minkejja dan, ta’ min wieħed jinnota li l-ammont ta’ vetturi bil-Y plates qiegħed kulma jmur ikompli jiżdied u għalhekk nisħqu li dawn it-tip ta’ spezzjonijiet għandhom ikunu mifruxin f’aktar lokalitajiet madwar il-pajjiż sabiex b’hekk iservu ta’ deterrent u jonqsu l-illegalitajiet li jista’ jkun hemm f’dan ir-rigward.

Dan qed ngħiduh fl-isfond li waqt l-ispezzjonijiet li saru f’San Ġiljan, twaqqfu 95 karozza Y-plate u nħarġu tmien ċitazzjonijiet li kienu jvarjaw minn xufiera bla tags għal parking illegali.

Allura hawn nistaqsu jekk kemm-il darba dawn ix-xufiera jibdew isibu ma’ wiċċhom dawn l-ispezzjonijiet aktar frekwenti, kemm se tkun aktar faċli li pajjiżna jwassal il-messaġġ li hawnhekk mhux ittollerat kollox u li min jinqabad irid ipatti qares ta’ għemilu? 

Jeħtieġ li nkunu konxji dwar is-sitwazzjoni allarmanti f’pajjiżna fejn jidħlu dawn il-vetturi. Nemmnu li jekk l-awtoritajiet jaslu biex jieħdu azzjoni bis-serjetà fuq firxa ferm aktar wiesgħa u jwasslu dan il-messaġġ, din tkun tarġa importanti għal pajjiżna biex mhux biss il-poplu jkun sodisfatt li t-talbiet tiegħu qegħdin jingħataw widen, iżda awtomatikament se naraw inkwiet ieħor jonqos bħalma huma l-inċidenti tat-traffiku, uħud minnhom anke fatali, kkawżati minn nuqqas ta’ responsabbiltà waqt is-sewqan.

Ekonomija

Sport