Ma setax jonqos li mal-aħbar li l-Papa l-ġdid, il-Papa Ljun XIV, huwa mill-Istati Uniti, li l-President ta’ dan il-pajjiż, Donald Trump, jesprimi ruħu li minn kliemu jidher ċar sentiment ta’ sodisfazzjoni kbira. Dan il-mexxej patrijott għall-aħħar li dejjem jisħaq “l-Amerika l-ewwel” stqarr li huwa ta’ unur kbir għal pajjiżu li kien proprju l-Kardinal Amerikan Franġisku Prevost li ntagħżel bħala l-mexxej il-ġdid tal-Knisja Kattolika Ruman.
F’messaġġ li tella’ fuq il-midja soċjali Trump kiteb, “awguri lill-Kardinal Franġisku Prevost li għadu kemm tħabbar bħala l-Papa l-ġdid. Huwa ta’ unur kbir li tirrealizza li huwa l-ewwel Papa Amerikan. X’eċċitament u unur kbir għal pajjiżna. Inħares bil-quddiem biex niltaqa’ mal-Papa Ljun XIV. Dan se jkun mument verament sinifikanti”.
Dan l-ewwel Papa Agostinjan twieled fl-14 ta’ Settembru tal-1955 f’Chicago Illinois iben Louis Marius Prevost ta’ dixxendenzi Franċiżi u Taljani u Mildred Martinez, b’dixxedenza Spanjola. Huwa kien jattendi università barra Philadelphia qabel mar missjunarju fil-Però.
Aktar awgurji inkluż minn
eks Presidenti tal-Istati Uniti
L-Istati Uniti għandha l-akbar ammont ta’ Kattoliċi fid-dinja u l-awguri bdew hekk kif ingħatat l-aħbar tal-ewwel Papa Amerikan. Kien anke l-Viċi President JD Vance, li kkonverta għar-reliġjon Kattolika fl-2019, li faħħar ir-riżultat ta’ din l-elezzjoni tal-Papa.
Fuq il-pjattaforma X Vance kiteb, “ċert li miljuni ta’ Kattoliċi Amerikani u Kristjani oħra se jitolbu biex imexxi l-Knisja b’suċċess”. Mentri, l-eks President Joe Biden, Kattoliku u devot kbir li tkellem diversi drabi dwar ir-relazzjoni tajba li kellu mal-Papa Franġisku, ukoll ta l-awgurju tiegħu lill-Papa l-ġdid.
L-eks President Barak Obama, li beda l-karriera politika tiegħu proprju f’Chicago, kiteb, “Michelle u jien nibagħtu l-awgurju tagħna lil seħibna minn Chicago, il-Qdusija Tiegħu, il-Papa Ljun XIV. Dan huwa jum storiku għall-Istati Uniti u se nitolbu għalih hekk kif se jibda x-xogħol sagru tat-tmexxija tal-Knisja Kattolika u jkun ta’ eżempju għal ħafna, irrilevanti mill-fidi li jħaddnu”.
Eks President tal-Istati Uniti ieħor, George Bush, fi stqarrija qal li huwa u martu Laura huma “ferħana ħafna” bl-aħbar fejn żied li, “dan huwa mument storiku u ta’ tama għall-Kattoliċi fl-Amerika u għar-reliġjużi madwar id-dinja. Ningħaqdu ma’ dawk kollha li qegħdin jitolbu għas-suċċess tal-Papa Ljun XIV hekk kif qiegħed jipprepara biex imexxi l-Knisja Kattolika, biex iservi lil dawk li l-aktar għandhom bżonn u biex jaqsam l-imħabba t’Alla”.