Wednesday, April 24, 2024

Yachting Malta ġġedded l-appoġġ tagħha għat-22 Edizzjoni tar- Regatta Internazzjonali Euromed

Aqra wkoll

Yachting Malta ġeddet l-appoġġ tagħha għar-Regatta Internazzjonali tal-Euromed, ospitata mill-Malta Young Sailors Club, fejn ingħaqdet mal-isponsor ewlieni Mapfre Insurance. L-appoġġ ta’ Yachting Malta ilu ġej mill-2016, meta appoġġat għall-ewwel darba dan l-avveniment internazzjonali tal-ibburdjar.

Fl-2020, ir-Regatta kienet affari kemm xejn kwieta minħabba l-pandemija tal-Covid-19 fissret li ma kien hemm l-ebda parteċipazzjoni internazzjonali. Madankollu, kienet avveniment kompetittiv ħafna li wriet li kienet għadha ma tilfitx l-appell tagħha għall-baħrin lokali.

Din is-sena, jerġa’ jirritorna l-aspett internazzjonali u r-regatta mistennija tilqa’ madwar 150 baħri mill-Ewropa kif wkoll mill-Kanada. Timijiet b’saħħithom mill-Olanda u Spanja mistennija jżidu fl-eċċitament tal-kompetizzjoni partikolarment minħabba l-preżenza tal-baħrin Spanjoli Tim Lubat, bħalissa klassifikat fir-4 post fid-dinja  u Juan Bennassar, li ffurmaw parti mit-tim rebbieħ tal-Kampjonat European Team Racing.

Il-flotta Maltija se tkun magħmula minn baħrin mill-Klabbs tal-ibburdjar kollha. Jekk ir-regatti tal-passat huma xi ħaġa li  wieħed għandu jieħu spunt minnhom,  allura Timmy Vassallo, Jonas Micallef u Emily Fenech,  li ser jikkompetu fil-flotta tal-Optimist, huma mistennija jagħtu rendikont tajjeb tagħhom infushom. Fl-ILCA 4, hija mistennija folla żagħżugħa u simili għall-flotta Optimist mistennija battalja mill-qrib bejn Shaun Aquilina, Ben Vassallo u Matthew Cachia Debono. Mia Busuttil fl-ILCA4 u Lacey Aquilina, Matthew Flores u Dimitris Vertsonis huma ismijiet li wieħed għandu joqgħod attent għalihom fil-Klassi ILCA 6.

Il-baħrin se jkunu qed jikkompetu fil-Klassijiet Optimist u ILCA. Il-Klassi Optimist hija mistennija li tkun l-akbar klassi, madankollu hija mistennija preżenza qawwija fil-klassijiet ILCA4, ILCA6 u ILCA7.

“Ir-Regatta tal-Euromed hija opportunità kbira għal Malta. Ir-Regatti Internazzjonali ospitati lokalment mhux biss ipoġġu lil Malta fuq il-mappa taċ-ċirkwit internazzjonali tal-ibburdjar iżda jipprovdu wkoll opportunitajiet kompetittivi eċċellenti għall-baħrin lokali. Yachting Malta hija sostenitur qawwi ta’ inizjattivi bħal dawn, kif jidher l-appoġġ kontinwu mogħti lil dan l-avveniment.” spjega ċ-Chairman ta’ Yachting Malta John Huber. “Aħna nemmnu f’din ir-Regatta wkoll għax tikkumplimenta l-istrateġija ta’ Yachting Malta biex tiżviluppa ż-żgħażagħ, partikolarment fir-rigward tat-tim nazzjonali tagħna tall-ibburdjar offshore Viva Malta.”

Il-Commodore tal-Malta Young Sailors’ Club Christian Bajada wera l-entużjamu fuq il-lista tal-flotta ta’ din is-sena li tilqa’ r-ritorn ta’ baħrin barranin fl-ibħra tagħna.

“Il-Klabb tagħna ilu jaħdem bla heda biex jiżgura r-ritorn ta’ flotta kompetittiva u internazzjonali ħafna. In-nuqqas ta’ kompetituri internazzjonali s-sena l-oħra ma għamel xejn biex inaqqas l-interess fit-tellieqa tagħna. Għall-kuntrarju l-entużjażmu biex jiġu Malta kien kbir u meta wieħed iqis ir-restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar eżistenti, ninsabu estremament sodisfatti bir-riżultat” kompla Bajada.

It-tlielaq ser jsiru fil-Bajja tal-Mellieħa u jibdew nhar is-Sibt 18 ta’ Diċembru fl-11:30 a.m. Ir-regatta tibqa’ għaddejja sat-Tlieta 21 ta’ Diċembru u l-Kumitat tat-Tlielaq mistenni jospita tliet tiġrijiet kuljum, skont il-kundizzjonijiet tat-temp.

Sport