Sunday, December 22, 2024

Yorgen Fenech ħallas eluf kbar ta’ ewro fi spejjeż legali għall-allegati qattiela – Melvin Theuma

Aqra wkoll

Melvin Theuma, deskritt bħala l-middle-man fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, xehed fil-Qorti li Yorgen Fenech kien ħallas għexieren ta’ eluf ta’ ewro biex ikopri l-ispejjeż legali tal-irġiel li qed jiġu akkużati bid-delitt u ħareġ ukoll €55,000 oħra biex ikopri l-ħlasijiet eventwali tal-pleġġ tagħhom.

Theuma kien qed jixhed fil-kumpilazzjoni kontra Fenech, li jinsab mixli b’kompliċità fil-qtil ta’ Caruana Galizia, liema delitt seħħ fis-16 ta’ Ottubru 2017. Huwa sostna wkoll li kien irranġa pagamenti ta’ bejn €2,000 u €3,000 kull ġimgħa għall-aħwa Alfred u George Degiorgio. 

Theuma sostna li Fenech kien jagħtih il-flus fl-uffiċċju tiegħu ta’ Portomaso jew inkella fir-razzett tiegħu ta’ Ħaż-Żebbuġ. “L-ewwel tani €30,000. Imbagħad Mario (ħu l-aħwa Degiorgio) talab għal €30,000 oħra. Imbagħad riedu €30,000 oħra. Yorgen tani €25,000 u jien kelli noħroġ il-€5,000 l-oħra,” spjega x-xhud li qal li ġeneralment kien jgħaddi dawn il-flus lil Mario fid-dar tiegħu tal-Marsa.

Qal li dawn il-flus kellhom jintużaw biex jitħallsu l-ispejjeż legali għall-aħwa Degiorgio, b’Mario Degiorgio jgħidilhom ukoll li wħud minnhom kienu jintużaw biex iħallsu għal “esperti Taljani”. Theuma ddikjara fil-Qorti li ma kien jaf xejn dwar dawn l-esperti.

L-aħwa Degiorgio qed iwieġbu mhux ħatja li qatlu lil Daphne Caruana Galizia. It-tielet raġel li kien mixli bid-delitt, Vince Muscat, ammetta għall-akkużi u qiegħed jiskonta piena ta’ 15-il sena ħabs.

Fis-seduta tal-bieraħ, Theuma qal li l-ħlas tal-qtil kien €155,000. Huwa qal ukoll li kien iżomm l-irċevuti tal-ħlasijiet li kienu jsiru bħala prova biex Fenech ikun jaf li l-flus li kien qed jagħtih kienu qed jaslu fejn kellhom jaslu.

Theuma rrakkonta kif darba Fenech beda jgerger u qallu li “jridu jsiru miljunarji f’ġurnata waħda”, iżda xorta waħda kompla jagħtih il-flus. Theuma qal li kien issuġġerixxa li jitwaqqfu l-ħlasijiet, b’Fenech iwieġbu “Le, Le. Il-poter tagħna jinsab fil-flus.” 

L-irċevuti, li kienu esebiti fil-Qorti, kienu għal €15,000, €50,000 u €4,000. Iżda Theuma qal li ma kienx ċert illi l-€50,000 kinux tħallsu f’daqqa u qal lill-Qorti li ma setax jikkwantifika t-total ta’ flus li kien għadda bejn Fenech u l-aħwa Degiorgio.

“Ma kontx tajjeb dak iż-żmien,” qal Theuma. “Kont għaddej minn żmien diffiċli, nieħu l-pilloli u nixrob.” Huwa semma wkoll kif minbarra dawn is-somom kbar, kien irranġa għal pagamenti ta’ kull ġimgħa sa €3,000 biex jaslu għandhom kif ukoll €300 kull ġimgħa waqt li kienu arrestati. 

Il-flus kienu qed jinqasmu bejn it-tliet irġiel akkużati bil-qtil. Theuma qal iżda li meta l-mara ta’ Muscat bdiet tistaqsi mistoqsijiet dwar il-flus, huwa waqaf milli jagħti lil Muscat is-sehem tiegħu ta’ €100 fil-ġimgħa. 

Inizjalmen, dawn is-somom iżgħar kienu jilħqu lill-aħwa Degiorgio permezz ta’ raġel magħruf bħala l-“Lolly”. Theuma qal li meta sar jaf lil Mario Degiorgio beda jgħaddi l-flus direttament lilu. 

Theuma qal ukoll li somma oħra separata ta’ €55,000 kellha tintuża biex jitħallas il-ħelsien mill-arrest għall-allegati qattiela. “Yorgen kien qalli biex iserrħu rashom u li se jħallas għall-pleġġ tagħhom,” qal Theuma.

L-ebda wieħed mit-tliet irġiel ma kienu ngħataw il-ħelsien mill-arrest. Minn dakinhar Muscat wieġeb ħati u l-aħwa Degiorgio għadhom jinżammu taħt arrest preventiv.

Xehed ukoll is-Supretendent Keith Arnaud, li spjega kif Theuma kien qalilhom bl-irċevuti ftit wara l-arrest tiegħu u li s-somom ta’ flus li Fenech kien tah kienu “definittivament” imsemmija f’recordings tal-konverżazzjonijiet tagħhom.

Fil-kontro-eżami tiegħu, is-Supretendent Arnaud irrikonoxxa li l-pulizija ma kinux tkellmu ma’ Mario Degiorgio jew William Cuschieri (l-Avukat tal-aħwa Degiorgio), dwar l-allegati pagamenti.

Ix-xhud qal ukoll li l-Pulizija ma kinitx iċċekkjat biex tara jekk l-irċevuti miżmuma minn Theuma kinux ġew printjati mill-printer ta’ Mario Degiorgio. “Sa issa l-verżjoni ta’ Melvin Theuma kienet biżżejjed,” qal Arnaud.

Wara x-xhieda ta’ Theuma u Arnaud, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello semgħet ukoll kif Kenneth Camilleri, ma riedx jixhed minħabba l-biża’ li seta’ jinkrimina ruħu. Arnaud qal lill-Qorti li huwa kien informat li l-investigazzjonijiet dwar Camilleri għadhom għaddejjin.

Il-Maġistrat Montebello ordnat lill-Prosekuzzjoni biex tara f’liema stadju waslu l-investigazzjonijiet dwar Camilleri u indikat li huwa jista’ jissejjaħ biex jixhed.

Il-każ ikompli l-Ħamis fejn mistenni jsir il-kontro eżami ta’ Matthew Caruana Galizia.

Ekonomija

Sport