It-tim taż-żgħażagħ ta’ Hibernians rebħu l-Cassar Cup meta fil-finali għelbu lil Senglea Athletic bl-iskor ta’ 2-1.
Kienet logħba ferm bilanċjata bil-Pawlisti li stabilixxew vantaġġ doppju u bis-Sengleani li skorjaw gowl fit-tieni taqsima sabiex reġgħu daħlu fil-logħba. Minkejja l-pressjoni tagħhom, id-difiża ta’ Hibernians baqgħet konċentrata sabiex it-tim ħareġ mill-grawnd ta’ Ħal Tarxien bit-trofew f’idejhom.
Andrea Matthias Vallejo poġġa lil Hibernians fil-vantaġġ b’Aiden Curmi li rdoppja l-iskor kmieni fit-tieni taqsima. Owen Galea naqqas il-marġni tal-iskor għal Senglea.
Balzan spiċċaw fit-tielet post tal-kompetizzjoni wara rebħa drammatika ta’ 5-4 kontra t-tim ospitu Tarxien Rainbows.
Kif jindika l-iskor, il-logħba kienet ferm movimentata biż-żewġ naħat li kienu dejjem fuq l-offensiva u bid-difiżi rispettivi li wettqu xi żbalji.
Miguel Curmi skorja doppjetta għal Balzan filwaqt li Liam Farrugia, Jerome Robin Lilian u Vladimir Celic żiedu aktar gowls għat-tim tagħhom.
Tarxien baqgħu fil-logħba grazzi għat-tripletta ta’ Samuel Buhagiar u gowl ieħor ta’ Zachary Chetcuti minn penalty.
Naxxar rebħu l-finali tal-ħames u s-sitt post hekk kif iddominaw il-konfront kontra Fgura 5-0. Kyle Zahra kien l-eroj għan-Naxxarin meta skorja hat-trick filwaqt li Kamera El Farouh u Nathan Tride niżżlu isimhom fost l-iskorers.
Din kienet it-tielet edizzjoni li ġiet organizzata l-Cassar Cup li fiha kien hemm sitt timijiet parteċipanti.