Sunday, December 22, 2024

Żagħżugħ bi problemi ta’ saħħa mentali mixli li ħebb għal missieru 

Aqra wkoll

Żagħżugħ ta’ 16-il sena miż-Żejtun tressaq quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras fejn ġie akkużat li ħebb għal missieru waqt argument bejniethom.

L-Ispettur Omar Zammit informa lill-Maġistrat Galea Sciberras li iż-żagħżugħ ibati minn problemi ta’ saħħa mentali. Zammit xehed ukoll kif fil-5 ta’ Ġunju li għadda l-Pulizija rċeviet rapport dwar l-inċident u meta l-uffiċjali tagħha marru fid-dar sabu lill-missier bi ġrieħi f’wiċċu.

Il-missier qalilhom li kellu argument ma’ ibnu fuq speaker u li dan tal-aħħar kien ħarab wara l-argument.

L-Ispettur kompla jispjega kif l-għada, omm iż-żagħżugħ ħaditu l-isptar għall-kura, iżda t-tobba ddikjaraw li m’għandux bżonn kura. L-omm qalet lill-Pulizija li binha kien qalilha li jekk jiddaħħal għall-kura, jaħrab, għaldaqstant inħareġ mandat t’arrest.

Iż-żagħżugħ wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih u f’dan l-istadju, ma saritx talba għall-ħelsien mill-arrest.

Il-Qorti min-naħa tagħha tat ordni temporanja ta’ superviżjoni u ordnat li jiġi uffiċjal tal-probation biex isegwi liż-żagħżugħ. Il-Maġistrat indirizzat liż-żagħżugħ u qaltlu li postu mhux il-Qorti u ħeġġitu biex jaċċetta l-għajnuna.

Il-Qorti ġibdet l-attenzjoni tad-Direttur tal-Aġenzija tas-Servizzi Korrettivi li l-imputat għandu 16-il sena u għandu jiġi kkunsidrat biex jinżamm fil-Faċilità YOURS.

Ekonomija

Sport