Wednesday, April 24, 2024

Żagħżugħ jammetti li ħebb għal tliet pulizija

Aqra wkoll

Għalkemm attakka tliet uffiċjali tagħha il-Pulizija qablet li żagħżugħ ta’ 26 sena minn Pembroke jingħata kull għajnuna biex jiffaċċja l-problemi li għandu.
Jean Claude Azzopardi ammetta quddiem il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace kif fil-lejl ta’ bejn l-10 u l-11 ta’ Settembru li għadda f’San Ġiljan ħebb għas-Surġenti Shaun Axiaq u Aldo Zammit u għall-Kuntistabbli Matthew Borg.
Iż-żagħżugħ, li jaħdem fil-ħanut tal-laħam ta’ missieru, ammetta wkoll li kiser il-paċi pubblika kif ukoll li naqas li jobdi l-ordnijiet mogħtija lilu mill-istess pulizija.
L-Ispettur Jonathan Cassar, li investiga l-każ, spjega fl-awla li l-pulizija kienu qegħdin fuq ronda meta ġew attakkati miż-żagħżugħ mingħajr ġusitifikazzjoni.
L-Avukati Arthur Azzopardi u Rene Darmanin, li dehru għall-akkużat, talbu li qabel jingħata s-sentenza jsir rapport minn ‘social worker’ bl-uffiċjal prosekutur ma joġġezzjonax.
Il-Maġistrat Micallef Stafrace laqgħet it-talba u lil Azzopardi qaltlu li għandu għalfejn jirringrazzja lill-Pulizija talli għalkemm attakka uffiċjali tagħha kienet lesta tgħinu.
Sakemm dan jitlesta Azzopardi ngħata l-ħelsien mill-arrest taħt diversi kundizzjonijiet fosthom li nhar ta’ Ħamis li jiffirma l-għassa ta’ Tas-Sliema u li jagħmel tajjeb għal dan b’garanzija personali ta’ €5,000.

Sport