Friday, November 15, 2024

Żagħżugħ mill-Gambja mixli li weġġa’ Pakistani f’żewġ okkażjonijiet separati

Aqra wkoll

Żagħżugħ mill-Gambja li joqgħod is-Swieqi tressaq il-Qorti akkużat li jumejn ilu kien involut f’argument f’San Ġiljan, li kkaġuna ġrieħi gravi fuq raġel Pakistani, li kiser il-paċi pubblika u li wettaq ħsara fi stabbiliment f’Paceville.

Mill-investigazzjonijiet tal-Pulizija rriżulta li fit-13 ta’ Jannar għall-ħabta tat-8:00 p.m fi stabbiliment f’Paceville qam argument bejn l-akkużat, Muhammed Gajigo u l-allegat vittma. Il-Qorti semgħet kif ħin minnhom l-akkużat ta daqqa ta’ ponn lill-Pakistani u kif kien mal-art, l-akkużat qabad shisha u tah daqqiet biha. Irriżulta wkoll li ż-żewġt irġiel kellhom argument ieħor fil-5 ta’ Jannar f’Tas-Sliema. 

Muhammed Gajigo wieġeb li mhux ħati tal-akkużi kontrih, bl-avukat difensur Martha Mifsud tressaq it-talba tiegħu għall-ħelsien mill-arrest. Hija sostniet li d-dinamika tal-każ għadha mhix ċara u li minħabba li l-klijent tagħha ndarab ħafif ukoll, mhux eskluż li hu kien qiegħed jiddefendi ruħu. 

Il-prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Zachary Zammit, oġġezzjonat minħabba n-natura tal-akkużi u għaliex l-akkużat m’għandux indirizz fiss u ma jaħdimx. 

Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo f’dan l-istadju ċaħdet it-talba għaliex l-akkużat m’għandux il-mezzi biex imantni ruħu minħabba li ma jaħdimx.

Ekonomija

Sport