Saturday, November 23, 2024

Żagħżugħ mixli b’pussess tad-droga u arma tan-nar

Aqra wkoll

Josef Zammit ta’ 28 sena minn Bormla, magħruf bħala l-Marozz, inżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti mixli bil-pussess u t-traffikar ta’ droga. 

Fl-awla tal-Maġistrat Nadine Lia, Zammit, li wieġeb li ma jaħdimx, qagħad bilwieqfa b’idejh ma’ wiċċu fejn deher jibki u jolfoq. 

Huwa ġie mixli bil-pussess tad-droga kokaina, eroina u kannabis li nstabu f’ċirkustanzi li juru li ma kinux għall-użu esklussiv tiegħu. 

Zammit kien mixli wkoll b’ħasil tal-flus li pparteċipa f’attivitajiet sesswali ma’ persuna taħt l-età, li ħebb għall-Pulizija u heddidhom, li kellu fil-pussess tiegħu arma tan-nar u munizzjon u li sar reċediv. 

L-Ispettur Kevin Pulis spjega kif fil-lejl ta’ bejn is-Sibt u l-Ħadd, il-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga flimkien mal-Iskwadra ta’ Kontra l-Ħasil tal-Flus, assistiti mir-Rapid Intervention Unit (RIU) wettqu operazzjoni dwar allegat traffikar tad-droga u ħasil ta’ flus.

Il-Pulizija kienet waqqfet vettura waqt li din kienet qiegħda tinstaq f’Ħaż-Żabbar fejn ġie arrestat l-imputat li flimkien miegħu kellu tfajla ta’ 15-il sena. 

L-Ispettur Pulis spjega li minn tfittxija li saret fil-vettura, il-Pulizija sabet numru konsiderevoli ta’ qratas bit-trab abjad u kannella, suspettata droga kokaina u eroina, kif ukoll ammont ta’ flus kontanti. 

Qal li dak il-ħin inqalgħet kommossjoni filwaqt li t-tfittxijiet tal-Pulizija ssoktaw f’żewġ residenzi f’Bormla fejn instabu diversi flus kontanti, karozza lussuża tal-għamla Corvette stmata li tiswa €50,000, opra tal-baħar u arma tan-nar fost oħrajn.

Zammit wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih iżda baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv wara li ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest. Il-Qorti ordnat ukoll l-iffriżar tal-assi tiegħu. 

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Kevin Pulis, Lianne Bonello u Roxanne Tabone mentri l-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri dehru għall-imputat.

Sport