Friday, November 15, 2024

Żagħżugħ mixli li stupra żewġ tfajliet f’jumejn

Aqra wkoll

Żagħżugħ ta’ 21 sena, li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, inżamm arrestat wara bi stupru fuq żewġ tfajliet, waħda minnhom taħt l-età, f’jumejn. 

L-ewwel każ allegatament seħħ fil-lejl ta’ bejn it-3 u l-4 ta’ Ġunju li għadda f’Ħal Tarxien u t-tieni każ seħħ l-għada, jiġifieri fil-lejl ta’ bejn l-4 u l-5 ta’ Ġunju fil-bajja ta’ Little Armier.

Iż-żagħżugħ, wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu, bid-Difiża titlob li huwa jingħata l-benefiċċju tal-ħelsien mill-arrest. Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba li l-allegati vittmi għad iridu jixhdu f’dawn il-proċeduri. 

L-Ispettur John Spiteri żied jgħid li l-allegata vittma tal-ewwel inċident tant kienet fi stat ta’ sokor li ma setgħetx tiddeskrivi lil dak li allegatament stupraha. Barra minn hekk, diversi persuni li kienu magħha u wassluha fuq il-post, kienu jgħixu viċin tagħha.

“Dak il-ftit li tiftakar huwa importanti ħafna. Id-DNA jorbot lill-akkużat mar-reat inizjali, iżda x-xhieda tagħha hi kruċjali,” qal l-Ispettur Spiteri. 

Id-Difiża sostniet li l-akkużat u l-vittma ma kellhom ebda konnessjoni jew komunikazzjoni bejniethom. Qal li ttieħdu wkoll filmati tas-CCTVs li ma jistgħux jiġu mbagħbsa u se jku hemm persuni li jixhdu li l-vittma kienet allegatament fis-sakra.

Kien hawn fejn ġie rrimarkat lill-Avukat Arthur Azzopardi li t-tieni każ kien jinvolvi minorenni. Huwa wieġeb li hija xehdet fl-inkjesta u ma setgħetx tbiddel il-verżjoni tagħha. 

Il-Qorti wara li semgħet is-sottomissjonijiet tal-partijiet ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest iżda laqgħet it-talba biex ma jkunx imxandar isem l-akkużat u tal-allegati vittmi. 

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Darlene Grima mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali megħjuna mill-Ispetturi John Spiteri, Sarah Kathleen Zerafa u Ryan Mario Vella. 

Ekonomija

Sport