Tuesday, September 16, 2025

ŻBILANĊI DEMOGRAFIĊI

Aqra wkoll

Hu minnu li l-iżbilanċ demografiku tal-pajjiż li dejjem jikber sar suġġett ta’ tħassib kbir. Talanqas jekk titqies bħala ħaġa serja (kif naħseb li hi) jekk il-popolazzjoni Maltija tkompli titnaqqar tant li tista’ tgħib għal kollox. Sadattant, ix-xjuħ ikomplu jsiru dejjem maġġoranza akbar u akbar u diffiċli tgħid kif se jinstabu l-fondi għal pensjonijiet u servizzi soċjali.

Ħaddiema barranin bix-xogħol tagħhom jkunu jistgħu jsostnu d-dħul u l-ħruġ ekonomiku tal-pajjiż. Dawk li jibqgħu għal ftit tas-snin, iridu jew ma jridux, idaħħlu klima ta’ instabbiltà soċjali. Dawk fosthom li jibqgħu hawn b’mod permanenti jagħtu aktar sens ta’ sigurtà imma jibdlu l-karattru tas-soċjetà b’mod li mhux faċli tipprevedi. Terġa’ soċjetà li tagħti d-dehra li qed tnin u tinfena se jkollha dejjem aktar diffikultà biex iżżomm fiha ż-żgħażagħ tagħha…

Ma jidhirx li resqin lejn xi soluzzjoni ta’ dil-problema kbira. L-aħħar statistika kkonfermat li qed taggrava.

L-EKONOMIJA EWROPEA

Ma setax jonqos li bil-maniġġi dwar tariffi tal-amministrazzjoni Trump fl-Istati Uniti, l-ekonomija Ewropea taqla’ taptipa. Diġà sa minn qabel wasal Trump, l-istaġnar kien infirex. Min-naħa tal-Unjoni Ewropea ilhom li telqu sforzi biex terġa’ tinstab ir-rankatura. Kienu tħejjew rapporti separatament minn żewġ eks-Prim Ministri Taljani Draghi u Letta dwar ir-riformi meħtieġa.

Ir-rakkomandazzjonijiet tagħhom imxew fuq l-istess binarji u tfaħħru minn kulħadd. Li għandhom jitwettqu malajr kemm jista’ jkun saret invokazzjoni li kulħadd itenni. Fuq quddiem nett, tissemma l-ħtieġa li titneħħa bil-kbir il-burokrazija li qed toħnoq l-inizjattiva. Ukoll li għad baqa’ wisq barrieri bejn is-swieq tal-pajjiżi Ewropej li jxekklu s-suq wieħed komuni milli joħloq l-effiċjenzi li suppost qed iwettaq. Ftit jidher li s-sens ta’ urġenza li kulħadd isemmi qed jagħti riżultati.

MUDELL

L-Assoċjazzjoni ta’ dawk li jieħdu sehem fl-industrija tad-divertiment u fl-arti ħarġet studju dwar il-paga ġusta li għandhom jirċievu l-membri tagħha u min jinsab fl-istess oqsma ta’ ħidma. Jagħti stampa ċara ta’ kif il-parteċipanti huma mistennija jieħdu sehem fix-xena kulturali u artistika Maltija, u kif jiġu u kif għandhom jiġu ttrattati finanzjarjament. Huma proposti interessanti li joffru mudell ta’ x’għandha tkun ir-“remunerazzjoni ġusta” għal dawk li jaħdmu fulltime, dawk part time  u min jagħti sehem volontarju.

Madankollu, neħtieġu wkoll stampa tajba tal-aspett ekonomiku tas-suq artistiku: f’kemm hu kbir; f’kif inhu ffinanzjat minn bejgħ ta’ biljetti, sussidji privati u statali; f’kif jinqasam bejn inizjattiva tal-gvern u proġetti tal-privat. B’mod realistiku, dan kollu jkun meħtieġ biex wieħed jifhem kemm il-proposti li saru huma finanzjarjament u artistikament vijabbli.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport