Faye Galea hija tfajla ta’ 14-il sena li bdiet fil-qasam tal-“performing arts” mill-età ta’ tliet snin. Bdiet titgħallem iż-żfin hiphop u Street dancing u hemm sabet il-passjoni tagħha. Faye kienet issegwi ħafna drama lokali u fl-età ta’ sitt snin qalet lil ommha li riedet tidher fuq it-televixin u tkun attrici hi wkoll. Dak is-sajf attendiet l-ewwel kors tagħha fejn kienet l-iżgħar waħda mill-grupp.
Waħda mill-affarijiet li l-producers u l-għalliema tad-drama nnutaw fiha kienet li għalkemm kienet għadha kif bdiet titgħallem taqra, kien jirnexxielha titgħallem bl-amment l-iscript tagħha u tal-atturi l-oħrajn f’qasir żmien. “Onestament noqgħod naħseb fuqha lanqas jien stess ma naf kif jirnexxieli nitgħallem scripts daqshekk malajr. Jien nemmen li dan hu possibli għax qed nitgħallem xi ħaġa li hija l-passjoni tiegħi.” Faye dehret l-ewwel darba f’series Malti jismu Rifless fl-età ta` sitt snin u wara anke ta’ seba’ snin fuq Il-Patt. Minn hemm Faye innutat li tixtieq tkompli tiffoka biex tibni karriera fid-drama u r-reċtar.
Faye kompliet tiffoka u tistudja ż-żfin u d-drama u llum il-gurnata hija studenta tad-drama fil Malta Visual & Performing Arts Achool. Fl-2019 kumpanija kbira u popolari taż-żfin ibbażata f’Londra, Pineapple Performing Arts School ġiet Malta u offriet Dance Workshop ta’ tliet jiem li kienet esperjenza ġdida għal Faye. F’kull ġurnata tal-workshop intgħażlet studenta għal scholarship ta` ġimgħa mal-Pineapple Performing Art School fejn l-istudenti jiġu mgħallma minn għalliema taż-żfin ta’ livell għoli u internazzjonali. Faye kienet waħda li ntgħażlet mil-prinċipal tal-Pineapple flimkien ma’ erba’ għalliema oħra u fis-sajf tal-2020, Faye attendiet dan l-ischolarship ġewwa Covent Garden f`Londra mal-Pineapple Dance Studios. Hemmhekk, ħasset in-nuqqas tal-kunfidenza fiż-żfin ikkumparat mal-livell barrani u minn hemm iddeċidejt flimkien mal-ġenituri tagħha li tiffoka iktar fuq kompetizzjonijiet taż-żfin ta’ livell internazzjonali.
F`kompetizzjoni taż-żfin ibbażata ġewwa l-Portugall, Faye, ġiet scouted minn Menina Fortunato li hija koreografa famuża ġewwa Los Angeles li ħadmet ma’ recording artists bħal Britney Spears, Beyonce, Carrie Underwood, Paula Abdul, Carmen Electra, Maluma, Luke Bryan, Earth Wind & Fire, MC Hammer, William Hung, Rain and Luis Miguel u offritilha scholarship mal-kumpanija tagħha The Hollywood Summer Tours. Dan is-sajf Faye għandha tattendi l-ischolarship ġewwa Los Angeles bl-isem ta’ The Hollywood Summer Tours għal 15-il ġurnata fejn se jkollha l-opportunità titgħallem minn għalliema bbażati f’Hollywood, Los Angeles u ġewwa studios famużi bħall-Millennium Dance Complex, The Edge, Debbie Reynold’s Dance Studio, Movement Lifestyle, Athletic Garage kif ukoll se jkollha ċans tieħu sehem fi music video ta’ upcoming artist ġewwa LA.
“Nemmen li din l-esperjenza se tgħinni nikber fil-mod li nara l-karriera tiegħi u nkun nista’ ngħin lil Malta permezz ta’ dak li nitgħallem minn barra minn xtutna. F’Malta għandna ħafna talent u nemmen li naslu xi darba biex ikollna opportunitajiet ħafna ikbar.” Faye taspira li ssir direttriċi tal-films u t-teatru u għalhekk tieħu sehem kemm tista’ f’opportunitajiet tad-drama u t-televixin biex tkabbar l-esperjenza tagħha waqt li tipprattika l-passjoni li tant hi għal qalba, dik tar-reċtar. “Ix-xewqa tiegħi hi li xi darba nieħu sehem bħala attriċi prinċipali f’film u forsi jkolli rwol ta’ żeffiena tal-hip hop u street dancing u b’hekk nikkombina ż-żewġ passjonijiet tiegħi flimkien.”
Ħaġa li Faye temmen fiha ħafna hija l-Gender Equality fejn anke ġiet magħżula biex taqsam il-ħsieb tagħha f`intervista fuq il-media soċjali fejn wara kompetizzjoni mill-MCCAA ġiet magħżula bħala Young Sustainable Ambassador.