Sunday, December 22, 2024

Zelensky iwissi lill-Ewropa dwar “xitwa iebsa” filwaqt li jirrapporta kisbiet fil-gwerra

Aqra wkoll

Il-President Ukren Volodymyr Zelensky wissa lill-Ewropej li r-Russja qiegħda tipprepara “mossa deċiżiva” dwar l-enerġija hekk kif resqin ix-xhur kesħin tax-xitwa. 

Min-naħa tagħha Moska qiegħda tisħaq li s-sanzjonijiet u ħsarat tekniċi qed iwasslu għal tfixkil fis-sistema tal-provvista tal-gass, iżda l-pajjiżi Ewropej li jappoġġjaw lill-Ukrejna qed jallegaw li r-Russja qiegħda tuża l-provvista ta’ din ir-riżorsa naturali bħala forma ta’ tpattija. 

Għadd ta’ analisti tax-xena internazzjonali qalu li l-iskarsezza ta’ din ir-riżorsa se twassal biex matul ix-xitwa li ġejja l-għoli tal-ħajja fost il-pajjiżi Ewropej se jiżdied b’mod sostanzjali. Huma tennew li dan jista’ jwassal ukoll biex l-appoġġ tal-pajjiżi tal-Punent lejn l-Ukrajna jonqos u dan biex il-mexxej­ja jnaqqsu r-rabja tan-nies għall-għoli tal-ħajja. 

Intant fl-aħħar sigħat il-mexxej Ukren ħabbar li s-suldati Ukreni wettqu avvanzi importanti fil-Lvant u n-Nofsinhar tal-pajjiż. Uffiċjali Ukreni qalu li s-suldati tagħhom ħadu l-kontroll taż-żona ta’ Vysokopillya li tinsab fir-reġjun ta’ Kherson. L-Ukrajna ilha mill-ġimgħa li għaddiet twettaq offensiva f’dan ir-reġjun fin-Nofsinhar tal-pajjiż li kien spiċċa f’idejn ir-Russi fl-ewwel jiem tal-invażjoni. 

Rigward l-impjant nukleari ta’ Zaporizhzhia, l-awtoritajiet Russi qalu li s-sitwazzjoni fiż-żona tinsab kalma. Fl-aħħar sigħat kien hemm rapporti ta’ tliet splużjonijiet ġewwa Energodar – il-belt fejn jinsab dan l-impjant nukleari – iżda ma kien hemm l-ebda rapporti ta’ ħsarat jew fatalitajiet. Fl-aħħar sigħat kien hemm rapporti li t-truppi Ukreni wettqu offensiva qrib ta’ din il-belt fejn intużaw drones, artillerija u anke rokits. 

Min-naħa tagħha, l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA) qalet li dan l-impjant għadu maqtugħ mill-grid elettriku li huwa essenzjali biex dan ikompli jirċievi l-enerġija ħalli jiffunzjona, iżda fortunatament is-sistema proviżorja tal-enerġija li taħdem bid-diżil għadha qiegħda taħdem. L-IAEA qalet li bħalissa reattur wieħed biss minn sitta qiegħed jiffunzjona. 

Ir-Russja kienet ħadet il-kontroll ta’ dan l-impjant fl-ewwel jiem tal-invażjoni, iżda dan xorta waħda għadu qiegħed jiġi operat minn ħaddiema Ukreni. Dan l-impjant spiċċa fiċ-ċentru tal-kunflitt biż-żewġ naħħat iwaħħlu f’xulxin dwar bumbardamenti li qed isiru qrib ħafna tiegħu, b’biża’ li dan jista’ jwassal għal diżastru nukleari kbir.  

Ekonomija

Sport