Saturday, January 11, 2025

Żewġ abbatini Maltin b’esperjenza stupenda waqt il-Quddiesa ta’ Nofsillejl fil-Vatikan

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

Żewġ abbatini Maltin fl-aħħar sigħat kellhom esperjenza stupenda barra minn Malta li żgur se jibqgħu jgħożżuha f’qalbhom. Dan hekk kif Matthias Brimmer, mill-Parroċċa ta’ Santa Liena, u Jan Gauci, minn Santa Marija (Knisja Qadima) iżda li jservi Santa Liena wkoll, kellhom din l-esperjenza waqt il-Quddiesa ta’ Nofsillejl ġewwa l-Bażilika Papali ta’ San Pietru fil-Vatikan.

Talk.mt ħa l-opportunità li jkellem lil Matthias Brimmer fejn qalilna li din l-esperjenza bdieha lura fis-sena 2019 fejn għamel tliet eżamijiet li kienu jikkonsistu l-quddiesa bit-Taljan bl-Ingliż kif ukoll il-Paramenti Sagri li jintuża. 

“Tlajt fl-aħħar ġimgħa ta’ Awwissu u għamiltu sal-ewwel ġimgħa ta’ Settembru fejn flimkien ma’ Abbatini minn Paroċċi differenti għamilna servizz fil-Bażilika Papali ta’ San Pietru fil-Vatikan. F’dawk il-ġimgħatejn kelli x-xorti wkoll li niltaqa’ mal-Qdusija tiegħu l-Papa Franġisku,” qal Matthias.

Żied jgħid li wara dawk il-ġimgħatejn beda jattendi il-kors hekk imsejjaħ “tal-Vatikan”.

Dan il-Milied huwa kellu x-xorti biex jitla’ l-ġimgħa tal-Milied u jservi bħala abbati għal darb’oħra. 

Spjega li kull filgħodu mas-6.00a.m. jiltaqgħu ħdejn il-Kollonnat tal-Vatikan, fejn minn hemm jidħlu fil-Vatikan, jilbsu l-ilbies tal-abbatini li tikkonsisti f’suttan vjola u spelizza u minn hemm jagħmlu skont x’ikun assenjat lilhom, min jimla l-impuluzzi u jippreparaw il-kalċijiet. 

Huwa qal: “Fl-24 ta’ Diċembru kelli xorti li nattendi għal quddiesa ta’ Nofsillejl li jiċċelebra l-Qdusija tiegħu. Kienet esperjenza sabiħa ħafna, Solennità kbira taħt it-Tribuna ta’ Bernini! Bi kburija ngħid li jien nservi bħala abbati u prifett fil-Proto-Kolleġjata Bażilika ddedikata li Sant’Elena ġewwa Birkirkara.”

Sport