Saturday, November 23, 2024

“Żewġ anġli ġabruni mit-triq” – Tfajla mis-Serbja titħalla bla saqaf fuq rasha u tispiċċa bla xogħol minħabba l-Coronavirus

Aqra wkoll

Miktub Minn Carmen Cachia

Il-pandemija tal-Coronavirus qiegħda taffettwa lil kulħadd f’kull pajjiż madwar id-dinja. Malta mhix eċċezzjoni u l-isfidi li qegħdin niffaċċjaw kull wieħed u waħda minnha huma iebsin, iżda b’xi mod irridu niffaċċjawhom u nagħmlu kuraġġ. Kulħadd iħoss tiegħu, imma hemm min li f’din is-sitwazzjoni ħajtu inqalbitlu ta’ taħt fuq, bħal fil-każ ta’ Doroteja Tutorov, tfajla ħabrieka mimlija talenti mis-Serbja, li fi żmien jumejn spiċċat bla saqaf fuq rasha u bla xogħol. It-tfajla ma kellhiex fejn toqgħod u x’tiekol tant li spiċċat imbikkma u ddisprata fit-toroq tagħna. Dan sakemm koppja ta’ qalb tajba Maltija offritilha kenn u platt sħun għandha.

“Kont ili ġimgħa nibki u ma nafx fejn se naqbad nagħti rasi. Ħajti lura s-Serbja kienet tajba iżda d-destin riedni niġi ngħix Malta. Kollox kien sejjer tajjeb sakemm faqqa’ l-virus hawn ukoll. Hawn ħafna nies fis-sitwazzjoni tiegħi iżda jien ġietni agħar minħabba li l-imgħallma ma tagħtnix l-aħħar paga xahar li ħdimt u spiċċajt bla flus,” irrakkontatilna Doroteja. 

“Id-destin ried li niġi Malta iżda qatt ma mmaġinajt li nispiċċa hekk…” 

Doroteja Tutorov

It-tfajla, li għandha 30 sena, hija mwielda fl-eks Jugoslavja fejn għal ħames snin kienet qabdet karriera sabiħa ħafna fil-kant f’pajjiżha. Hija minn dejjem kienet persuna avventuruża u wara li xi ħbieb qalulha b’Malta, tħajret tiġi hawn. Doroteja waslet għall-ewwel darba f’Malta fl-2016 u tant għoġbitha l-atmosfera mimlija enerġija u mħabba tal-pajjiż u tal-Maltin, li ddeċidiet li tibqa’ tgħix hawn.

Id-destin ried li t-tfajla tagħżel il-lokalità tal-Qawra u għall-bidu kellha tibdel diversi impjiegi u appartamenti sakemm issib postha. Barra minnhekk, hija ma kinitx taf ħafna l-lingwa Ingliża, iżda dan ma waqqafhiex milli titgħallem u tintegra sewwa fis-soċjetà tagħna, bħalma għamlu eluf ta’ ħaddiema oħra minn pajjiżi barranin.

Madwar sena u nofs ilu hija ġietha opportunità li tibda taħdem f’ħanut magħruf tax-xahar fil-Qawra stess. Lura f’pajjiżha Doroteja għamlet b’suċċess kors tal-hairdressing ukoll. “Kelli ħinijiet twal ħafna, fejn ħafna drabi kont naħdem bla waqfien mit-Tnejn sal-Ħadd mid-9 ta’ filgħodu sat-8 ta’ filgħaxija. Ma kontx ingorr minħabba li l-paga ta’ €7.50 fis-siegħa għalija kienet tajba, iżda kont nistinka ħafna għalihom,” spjegat Doroteja.

Bagħtitha d-dar mingħajr il-paga…

Hija qalet li x-xogħol tagħha ma kienx biss dak ta’ hairdresser, iżda anke bħala maniġer tas-salon, receptionist u kienet tagħmel xogħol amministrattiv u ħlas tal-pagi. It-tfajla kienet kuntenta fuq il-post tax-xogħol iżda meta tħabbru l-miżuri li jingħalqu l-ħwienet tas-servizzi mhux essenzjali minħabba l-Covid-19, kollox tar mar-riħ. L-employer tagħha, qabel bagħtiha d-dar, qaltilha li se tagħmel kuntatt magħha biex iżommha aġġornata. Ġara però, li din ma tagħtix l-aħħar paga ta’ €1,400. 

“Jien ħdimt għal dawk il-flus u hija qalgħet il-flus tas-servizz li tajt lill-klijenti. Fl-erba’ emails li bagħtili tul dan ix-xahar, kull darba ġġib l-iskuża li m’għandhiex flus u jien issa ma nistax inħallas għal post fejn ngħix jew nixtri x’niekol,” qalet imbikkma din it-tfajla. 

L-imgħallma qalet lil din il-ħaddiema li l-bank ma jridx jagħtiha flus u li għadha qiegħda tistenna l-għajnuna mill-Gvern. Doroteja qaltilna li hija mhix l-unika waħda li ma tħallsitx għax xogħol tagħha mill-istess salon. Fil-fatt hemm madwar u disa’ ħaddiema oħra li spiċċaw bla paga, min ta’ xahar u min ta’ ħmistax. Fost l-impjegati li kienu jaħdmu f’dan il-ħanut fil-Qawra u ma tħallsux hemm ħaddiema Maltin, oħrajn mis-Serbja u persuni mill-Maċedonja.

Fl-istess perjodu li waqfet mix-xogħol, intortament, din il-barranija kellha toħroġ mid-dar li kienet tgħix fiha wkoll u tant ħasset li d-dinja se taqa’ fuqha li ma kinitx taf fejn se taqbad tagħti rasha. Bid-dmugħ f’għajnejha fi triqtha biex titlob ftit għajnuna minn persuna li kienet taf, Doroteja b’kumbinazzjoni ltaqgħet ma’ koppja Maltija li kienet ilha taf għal ċertu żmien.

“Din il-koppja għandhom qalbhom tad-deheb. Kont mixja fit-triq meta kienu għaddejjin u r-raġel qalli li b’kumbinazzjoni f’dik l-għodwa kien ħaseb fijja. Imbikkma ma stajtx naħbilhom l-inkwiet li kont għaddejja minnu u rrakkontajtilhom kollox. Nofs siegħa wara li tkellimna, din il-koppja reġgħet ikkuntatjatni u offrietli mmur ngħix magħhom sakemm nerġa’ nqum fuq saqajha. Qishom missewni l-anġli mis-sema u ħarġuni minn dak il-limbu li ma bdejtx nara kif se noħroġ minnu,” stqarret Doroteja.

Bi tbissima hija qaltilna li b’din l-aħbar, bdiet tibki bil-ferħ u ħasset qisu piż kbir imneħħi minn fuq l-istonku tagħha. Din il-koppja Maltija qiegħda tgħin lil din it-tfajla minn qalbha. Doroteja qaltilna li mhux biss tawha kenn f’darhom u jaqsmu l-ħobża ta’ kuljum tagħhom magħha, iżda anke offrewlha li jekk ikollha bżonn xi flus, huma lesti jgħinuha minn dak il-lat ukoll. 

“Issa ili madwar xahar ngħix magħhom u dawn in-nies huma verament speċjali. Dejjem jaraw kif idaħkuni u jagħmluli kuraġġ. Fil-perjodu li qiegħda magħhom qiegħda nagħmel l-affarijiet li dejjem xtaqt fosthom nipprattika l-kant, yoga, meditation u anke mmur xi mixja twila għall-kwiet,” kompliet iċ-ċittadina Serba. 

Hija qalet li meta ppruvat titlob il-paga lill-employer tagħha, din tal-aħħar ma ħaditx pjaċir tant li bdiet tgħajjat ħafna fuq it-telefon. It-tfajla spiċċat titriegħed bil-kliem li bdiet tgħidilha u issa ma tafx jekk hiex qatt se titħallas jew le.

Hija qaltilna, “kieku almenu tagħtini dak li tafni, kieku nista’ nerġa’ nikri kamra għalija, nixtri x’niekol u nkun indipendenti. Imma din il-persuna assolutament ma tridx u lanqas riedet tagħtini d-dettalji tagħha bħala employer biex nitlob għajnuna mis-servizzi soċjali ta’ Malta”. 

Jekk tagħti l-imħabba, se tirċievi l-imħabba

Doroteja, grazzi għas-sostenn ta’ din il-koppja Maltija, mhix se taqta’ qalbha u fil-fatt qasmet magħna l-pjanijiet tagħha għall-futur. Hija se tistinka kemm tiflaħ biex, ladarba kollox jiġi għan-normal wara l-epidemija, terġa’ tibda taħdem bħala hairdresser u tibda twarrab il-flus biex fi żmien qasir kemm jista’ jkun, tiftaħ għal rasha ħanut tax-xagħar. It-tfajla tixtieq sidt tagħha nnifisha biex tkun tista’ tqassam il-ħin tagħha aħjar u dan bil-għan li terġa’ ssib ħin biex tikkonċentra ftit fuq il-kant, li tant tħobb.

Il-barranija qalet li l-Coronavirus, min-naħa ġab sitwazzjonijiet iebsa u surreali għal ħafna nies, iżda min-naħa l-oħra hemm lat pożittiv u tħossha kuntenta. Hija qalet li issa għandha aktar ħin għaliha u temmen li kulħadd kellu bżonn ftit mistrieħ mill-ħajja mgħaġġla li kellna qabel.

Din il-ħaddiema Serba qasmet l-istorja tagħha biex turi s-sitwazzjoni iebsa u reali li xi persuni, speċjalment il-barranin, għaddejjin minnha bħalissa. Il-messaġġ tagħha huwa, “importanti li tkunu persuni twajba u tagħmlu l-ġid għax jekk tagħtu l-imħabba, se tirċievu l-imħabba. Għandna nagħtu iżjed, biex nirċievu iżjed”.

Sport