Illum, il-Pulizija ressqet b’arrest fil-Qorti t’Għawdex, żewġt irġiel ta’ 22 u 39 sena, fuq każijiet separati quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr Monica Vella.
Raġel Niġerjan ta’ 22 sena, ġie akkużat talli nhar it-30 ta’ Settembru, 2020, għall-ħabta tas-7:15 p.m, waqt li kien fi Triq l-Imġarr, ix-Xewkija, Għawdex, ikkawża tbatija lil annimal u talli nhar l-1 ta’ Ottubru, 2020, għall-ħabta tas-6:00 p.m għamel ħsara f’propjetà ta’ ħaddiehor.
Raġel mill-Gambia ta’ 39 sena u residenti ż-Żebbuġ, Għawdex, ġie akkużat talli nhar l-1 ta’ Ottubru, 2020, u fix-xhur ta’ qabel, kellu fil-pussess tiegħu l-pjanta tal-Kannabis, bl-iskop li jittraffikaha.
Iż-żewġt irġiel wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba fil-konfront tagħhom. Huma ma ngħatawx il- ħelsien mill-arrest.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Bernard Charles Spiteri.