Monday, December 23, 2024

Żewġ distretti fl-Uganda jidħlu f’lockdown minħabba tifqigħa tal-Ebola

Aqra wkoll

Żewġ distretti fl-Uganda daħlu f’perjodu ta’ tliet ġimgħat lockdown minħabba tifqigħa tal-Ebola fil-pajjiż.

Bars, nightclubs, postijiet ta’ divertiment u anke dawk ta’ devozzjoni se jkunu qegħdin jingħalqu f’Mubende u f’Kassanda. It-tifqigħa tal-każi bdiet f’Settembru f’Mubende, madwar 80 Kilometru mill-kapitali Kampala.

Din id-deċiżjoni qiegħda titqies bħala U-turn mill-President Yoweri Museveni li aktar qabel qal li ma kienx hemm bżonn li jittieħdu tali miżuri. 

L-aħħar tifqigħa ħalliet 19-il persuna mejta minn fost 58 każ irreġistrati. Madanakollu skont spekulazzjonijiet in-numru ta’ mwiet u każi reġistrati jista’ jkun ferm iżjed minn hekk.

Fl-aħħar ġimgħat il-President Museveni kien kontra miżuri stretti bħalma huma lockdowns u qal li l-Ebola ma kienx virus li jinxtered fl-arja u għalhekk ma kienx hemm bżonn il-miżuri li ttieħdu biex jitrażżan il-virus tal-Covid-19.

Minkejja li se jkunu qegħdin jitħallew jidħlu trakkijiet bil-provvisti, kull trasport ieħor se jkun qiegħed jiġi pprojbit.

Ekonomija

Sport